Banka tal-lottu sfat fil-mira ta’ ħalliel mgħammad u armat b’sikkina li seraq madwar €600 fi flus kontanti llum ftit qabel l-10.30am, fi Triq Il-Kungress Ewkaristiku, Il-Mosta.
Minn stħarriġ preliminari jirriżulta li s-suspettat talab il-flus lil sid l-istabbiliment, raġel ta’ 67, u ħarab minn fuq il-post.
Rondi fl-inħawi mir-Rapid Intervention Unit ġew intensifikati filwaqt li l-każ qiegħed jiġi investigat mill-Pulizija tad-Distrett tal-Mosta u d-Dipartiment tal-Investigazzjoni Kriminali.
Il-pulizija qed titlob lill-pubbliku sabiex jgħaddilha kull informazzjoni li jista’ jwassal biex tiġi solvuta din is-serqa, anke b’mod kunfidenzjali.
lbieraħ insterqu madwar €3,000 f’ċirkostanzi simili f’ banka tal-lottu fi Triq Hompesch, Il-Fgura.