Il-ħabs deskritt bħala ‘bejta tad-droga’ fi żmien il-PN fil-Gvern
Il-klieb fil-ħabs li suppost jxommu d-droga saru pets tar-residenti
More in Kronaka
Il-klieb fil-ħabs li suppost jxommu d-droga saru pets tar-residenti
Il-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali qal fi stqarrija li l-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista llum qed juri kemm ma jistax jittieħed bis-serjetà meta qed jgħid li dan il-Gvern falla milli jnaddaf il-Ħabs mid-droga.
“Infakkru li fi żmien il-Partit Nazzjonalista fil-Gvern, fl-2009, il-ħabs kien deskritt bħala ‘bejta tad-droga’ u l-Qorti waqt sentenza iddeskriviet il-faċilità li biha kienet qed tiddaħħal id-droga fil-ħabs u li l-verdett ma kienx biss kontra l-imputata iżda anki kontra s-sistema li ħallietha topera b’dak il-mod.”
L-istqarrija tkompli tgħid li wara kwazi 25 sena ta’ amministrazzjoni Nazzjonalista, dan il-Gvern sab ħabs fi stat tal-biki, gwardjani demoralizzati, sistema falluta u entità mikulha bil-problema tad-droga. “Fis-sentejn li għaddew dan il-Gvern ħa bosta miżuri sabiex il-ġlieda kontra din il-pjaga tittieħed b’aktar qawwa. Infakkru lil Beppe Fenech Adami li kien dan il-Gvern li ħa d-deċiżjoni li jsiru aktar testijiet spissi għad-droga, testijiet tal-awrina fuq ir-residenti u għall-ewwel darba ttieħdet deċiżjoni li jsiru fuq l-istaff. Ilum in-numru ta’ testijiet li qed isiru fuq il-priġunieri huwa tliet darbiet aktar milli kienu jsiru taħt l-amministrazzjoni preċedenti. Is-searches fuq il-viżitaturi, jew fuq min jieħu servizzi mill-ħabs ukoll saru aktar rigorużi.”
Il-Ministeru kompla jgħid li tajjeb li jfakkar lil Beppe Fenech Adami li kienet l-amministrazzjoni li huwa kien jifforma parti minnha, li ħalliet klieb fil-ħabs li suppost jxommu d-droga, isiru pets tar-residenti. “Dan il-Gvern investa sabiex it-taqsima tal-K9 tat-tiftix tad-droga fil-ħabs issaħħet b’sitt iklieb ġodda mir-Repubblika Ċeka li wħud minnhom diġà tlestilhom it-taħriġ u qed jiġu utilizzati.”
Il-Ministeru temm l-istqarrija tiegħu fejn qal li kien il-Partit Nazzjonalista fil-Gvern li taħtu l-kelmiet Faċilità Korrettiva kienu biss slogan u li mexa għal snin twal mingħajr l-ebda pjan strateġiku. “Illum il-ġurnata dan il-Gvern beda programm edukattiv u ta’ xogħol sabiex ir-residenti ta’ din il-faċilità jżommu ’l bogħod minn dan il-vizzju. Quddiem dawn il-fatti, huwa Beppe Fenech Adami li falla milli jifdallu xi sens ta’ kredibilità, kull meta jitkellem dwar l-impenn ta’ dan il-Gvern fil-ġlieda kontra d-droga fil-ħabs.”