Ħames persuni tilfu ħajjithom, filwaqt li mijiet oħra huma rapurtati nieqsa hekk kif cruise ship li kien qed iġorr 458 persuna għereq fix-xmara Yangtze fil-provinċja Ċiniża ta' Hubei.
Il-bastiment inqeleb, u issa jinstab wiċċu 'l isfel f'wesgħa tax-xmara. Il-media tal-istat qed tirraporta li l-membri tas-salvataġġ setgħu jisimgħu għajjat għall-għajnuna minn ġewwa il-vapur.
Il-vapur, bl-isem ta' Eastern Star jidher li ma bagħat l-ebda sinjal ta' emerġenza, hekk kif il-media qed tirraporta kif l-allarm ingħata biss meta bosta persuni telgħu max-xtajta wara li għomewha mill-vapur, u taw l-allarm lill-pulizija.
Abbord kien hemm turisti li l-età tagħhom tvarja minn 50 sa 80 sena, li bdew jivvjaġġaw mill-belt ta' Nanjing li tinstab fil-Lvant, sa dik ta' Chongqing li tinstab fl-Ilbiċ - vjaġġ ta' mill-anqas 1,500km.