It-themepark rinomat fl-Ingilterra Alton Towers se jerġa' jiftaħ għall-pubbliku illum, sitt ijiem wara li ħabtet attrazzjoni partikolari li ħalliet erba' persuni feruti gravi.
Sa minn dakinhar, il-park kien magħluq għall-pubbliku sabiex tkun tista' ssir l-investigazzjoni biex ikunu jafu x'kien il-kaġun tal-ħabta tal-attrazzjoni, 'The Smiler' fejn ħabtu żewġ sezzjonijiet tal-istess attrazzjoni.
Ġie kkalkulat li l-kumpanija Merlin Entertainments, il-kumpanija li hija s-sid tal-park, tilfet madwar £3m, jew £500,000 kuljum fi dħul matul dawn il-jiem li l-park ilu magħluq.
Minkejja li l-park se jkun qed jerġa' jiftaħ għall-pubbliku, il-parti tal-park fejn hemm l-attrazzjoni The Smiler u attrazzjonijiet simili se jibqgħu magħluqin sakemm jiġu konklużi l-investigazzjonijiet mid-Dipartiment tas-Saħħa u s-Sigurtà.
Rollercoaster ieħor f'Alton Towers, the Spinball ukoll se jkun magħluq sakemm jiżiedu l-miżuri tas-sigurtà fuqhom. Kelliem għall-park qal l idan qed jieħu iktar fit-tul minħabba d-disinn tal-attrazzjoni.