Bulgaru midrub gravi f’San Ġiljan

Qiegħed ikun allegat li r-raġel kien aggredit barra stabbiliment tad-divertiment f'Paceville
 

Bulgaru ndarab gravi meta kien x’aktarx ferut b’arma li taqta’ u bil-ponta f’xi ħin matul il-lejl li għadda.

Il-Pulizija tad-Distrett kienu infurmati bil-każ mit-Taqsima tal-Emerġenza tal-Isptar Mater Dei, li rċeviet talba għall-assistenza medika ġewwa lukanda fi Triq il-Kbira, San Ġiljan.

Hemmhekk, instab il-barrani ta’ 30 sena bi ġrieħi f’għonqu. Għalkemm x’wassal għal dan għadu mhux ċar, qiegħed ikun allegat li r-raġel kien aggredit barra stabbiliment tad-divertiment fi Triq Wilġa, Paceville. Minn hemm, hu mexa għal-lukanda fejn kien qiegħed joqgħod u hemm talab għall-assistenza.

Hu ttieħed b’ambulanza l-Isptar Mater Dei, fejn kien stabbilit li l-barrani ma kienx f’qagħda kritika imma kien sofra ġrieħi gravi.

L-investigazzjonijiet biex jiġi stabbilit x’wassal għal dan l-inċident għadhom għaddejjin mill-Pulizija tad-Distrett ta’ San Ġiljan.

More in Kronaka