Ġuvni ta’ ħmistax il-sena lbieraħ, nhar id-29 ta’ Ġunju, 2015, sofra ġrieħi gravi meta ħaraq parti minn murtal li kien sab il-ġurnata ta’ qabel, ċioé fit-28 ta’ Ġunju, 2015. Il-każ kien irrapurat għall-ħabta tad-21:30hrs, meta l-ġuvni minn Santa Venera ddaħħal fit-Taqsima tal-Emerġenza fl-Isptar Mater Dei bi ħruq fuq idu l-leminija u fuq wiċċu.
Minn stħarriġ preliminari jirriżulta li ilbiraħtlula l-ġuvni kien qiegħed jara’ xi logħob tan-nar fl-inħawi magħrufa bħala Tal-Blat, f’Ħal Qormi meta sab parti minn murtal li ma kienitx inħarqet fl-inħawi ta’ fejn kien qiegħed jinħaraq l-istess nar. Il-vittma ġabarha u ddeċieda li jaħraq din l-istess parti lbieraħ, għall-ħabta tad-disgħa neqsin għoxrin ta’ filgħaxija (2040hrs) fiz-Żona Industrijali tal-Imrieħel. Hekk kif ħaraqha, din minnufih ħadet f’idejh u kkaġunatlu l-ġrieħi msemmija.
Il-każ qiegħed jiġi investigat mill-Pulizija tad-Distrett ta’ Ħal Qormi.
Il-pulizija tappella lil kull min isib xi logħob tan-nar biex iżomm id-distanza minnu u immedjatament jinforma lill-awtoritajiet. Wieħed qatt m’għandu jiġbor xi materjal splussiv u, agħar minn hekk, itih in-nar.