Pulizija safa aggredit minn raġel Eġizzjan li huwa mar iwaqqaf milli jkompli jaqbeż fuq bonnet ta’ karozza fil-Furjana dan il-lejl.
L-inċident seħħ il-bieraħ filgħaxija għall-ħabta tal-10.15 ta’ filgħaxija fi Triq San Franġisk kantuniera ma’ Triq il-Miratur, il-Furjana, meta pulizija tat-traffiku li kien stazzjonat fuq xogħol relatat mal-Isle of MTV, innota raġel jaqbeż fuq bonnet ta’ Peugeot Partner u li beda jipprova jaqlalha l-wipers, filwaqt li x-xufier tal-imsemmija vettura kien qiegħed ġewwa.
Malli lemaħ dan, il-pulizija mar fuq il-post u pprova jwaqqaf lir-raġel Eġizzjan. Min-naħa tiegħu dan tal-aħħar beda jaggredixxi lil-pulizija bil-ponn u anke bis-sieq. Persuni li nzertaw kienu viċin l-inċident assistew lill-pulizija iżda l-Eġizzjan xorta waħda kompla jaggredixxi lill-Pulizija. Kien grazzi għall-pulizija mit-taqsima tar-Rapid Intervention Unit li l-Eġizzjan ġie arrestat fejn ittieħed l-Għassa tal-Belt Valletta, fejn hawnhekk prova jerġa’ jħebb għall-Pulizija li kien hemm preżenti fl-għassa.
Ir-raġel kompla bl-andament aggressiv tiegħu meta pprova jħebb għax-xufier tal-vettura tal-Pulizija u anke għamel xi ħsarat ġewwa l-poliklinika tal-Furjana waqt li kien qed jiġi eżaminat. Għaldaqstant kellha tissejjaħ ambulanza fuq il-post fejn ħaditu l-Isptar Mater Dei fejn ġie rrilaxxat ftit tal-ħin wara jsofri minn ġrieħi ta’ natura ħafifa.
Il-Pulizija tat-Traffiku ttieħed ġewwa l-Poliklinika tal-Mosta sabiex jingħata l-kura meħtieġa wara din l-aggressjoni. Huwa wkoll gie ċċertifikat li kien qiegħed isofri minn ġrieħi ta’ natura ħafifa.
Intant, fi stqarrija l-Assoċjazzoni tal-Pulizija kkundannat l-inċident u qalu wkoll li ma kinitx l-ewwel darba li membru tal-pulizija safa aggredit waqt il-qadi ta' dmirijietu. L-Assoċjazzjoni talbet ukoll li ssir ġustizzja mal-pulizija, u irringrazzjat ukoll lil dawk il-persuni li assistew lill-pulizija.