Is-sitwazzjoni tat-traffiku f’Malta kompliet taggrava dalgħodu, b’bosta sewwieqa jesperjenzaw dewmien u traffiku kbir f’diversi inħawi.
Qarrejja ta’ dan il-gurnal qalu li esperjenzaw traffiku fl-Imsida, Birkirkara, Ħamrun, Guardamangia, Furjana, u Santa Venera. It-triq prinċipali tal-Ħamrun kienet magħluqa għal xi ħin kawża ta’ xi xogħlijiet, filwaqt li fl-Imsida, qarreja qalu li kien hemm xi xogħlijiet tat-triq. Fi Fleur de Lys, kien hemm aċċident bejn żewġ vetturi u konsegwenza ta’ dan kien hemm serbut twil ta’ karozzi u l-karozzi kellhom jiġu ddevjati lejn l-Imsida. Ġie rrapurtat ukoll li numru ta’ karozzi damu iġġamjati fit-traffiku għal numru ta’ sigħat, b’ qarreja tgħid li vjaġġ minn Birkirkara u Msida dam siegħa.
Qarreja qalu wkoll li minkejja li t-traffiku fit-Tramuntana ttaffa wara li infetħet parti minn Triq il-Kosta, t-traffiku fl-Imsida u fil-bqija taċ-ċentru ta’Malta wassal għal dewmien twil u saħansitra vjaġġ li normalament jieħu ftit inqas minn kwarta dam iktar minn siegħa.
Oħrajn qalu li b’konsegwenza tat-traffiku fiċ-ċentru tal-pajjiż, kien hemm dewmien ukoll fis-servizz tal-karozza tal-linja.