Sitt persuni midruba f’inċident, tfajla u tifel isofru ġrieħi gravi

Sitt persuni jittieħu l-isptar wara li żewġ vetturi jaħbtu u jsofru ħsarat estensivi f'inċident fil-Mellieħa.

Sitt persuni ttieħdu l-Isptar Mater Dei kawża ta’ ġrieħi li sofrew f’inċident tat-traffiku li seħħ il-bieraħ filgħaxija fil-Mellieħa.

Il-pulizija qalet li l-inċident seħħ għall-ħabta tal-11:30pm fi Triq il-Kbira wara li vettura tat-tip Seat Ibiza misjuqa minn żagħżugħ ta’ 24 sena u residenti fin-Naxxar ħabtet f’vettura tat-tip Suzuki Gran Vitata misjuqa minn mara ta’ 42 sena residenti Ħal Qormi.

Is-sewwieq ta’ 24 sena u l-passiġġier li kien miegħu – raġel ta’ 24 sena residenti l-Mosta, ġew iċċertifikati li sofrew ġrieħi ta’ natura ħafifa.  Il-mara u t-tifel tagħha ta’ tlett xhur ġew iċċertifikati li sofrew ġrieħi ħfief, filwaqt li żewġt itfal oħra, tfajla ta’ ħmistax-il sena u tifel ta’ disa’ snin sofrew ġrieħi ta’ natura gravi.

Iż-żewġ sewwieqa u l-passiġġieri rispettivi tagħhom ittieħdu l-isptar sabiex jingħataw kura għall-ġrieħi li ġarrbu.

Kawża tal-inċident it-triq kellha tingħalaq għal xi ħin.  Il-vetturi ġarrbu ħsarat estensivi fil-partijiet ta’ quddiem.

Il-Pulizija mid-Distrett tal-Qawra qed jinvestigaw il-każ.

More in Kronaka