4,000 inċident fi tliet xhur … ħamsa jmutu fit-toroq Maltin

458 persuna jsofru xi ġrieħi f’inċidenti fit-toroq Maltin, Birkirkara għal darb’oħra bl-ogħla rata ta’ inċidenti

458 persuna jweġġa f'inċidenti fit-toroq Maltin matul it-tieni kwart tas-sena
458 persuna jweġġa f'inċidenti fit-toroq Maltin matul it-tieni kwart tas-sena

Bejn April u Ġunju f’pajjiżna ġew rraportati 3,910 inċident tat-traffiku b'ħames persuni jmutu fit-toroq Maltin.

L-iktar ġurnata li fiha seħħew inċidenti tat-traffiku kienet it-Tlieta b’626 każ u l-inqas nhar ta’Ħadd b, 359 inċident. Madankollu, l-aktar nies li korrew f’inċidenti tat-traffiku kien fi tmiem il-ġimgħa, iġifieri is-Sibt u l-Ħadd.

Fi stqarrija, l-Uffiċju Nazzjonali tal-Istatistika qalet li fit-tieni kwart tas-sena, korrew b’kollox 458 persuna. Minn dawn, 279 kienu s-sewwieqa stess u fosthom kien hemm 227 persuna li ġarrbu ġrieħi ħfief, filwaqt li 49 ġarrbu ġrieħi gravi.

Kawża ta’ dawn l-inċidenti, mietu tliet sewwieqa, passiġġier wieħed, u persuna li nzertat mixja f’din it-triq. Erba’ mill-mejta kienu rġiel.

Fl-istess perjodu, 32 passiġġier soffrew ġrieħi gravi filwaqt li 95 soffrew ġrieħi ħfief. 24 persuna li kienu għaddejin mit-triq weġġaw ġravi u 50 soffrew ġrieħi ħfief. Skont l-istatistika, l-iktar persuni li weġġaw kienu dawk li għandhom bejn is-26 sena u l-40 sena.

Aktar minn hekk, 62.9% tal-inċidenti kienu jinvolvu karozzi, 27.5% kienu ikkawżati minn muturi u vetturi li jġorru l-merkanzija kienu kawza ta’ 7%.

It-total ta’ inċidenti laħaq dak ta’ 3,910, jiġifieri żieda ta’ 3% meta mqabbel mal-istess perjodu s-sena l-oħra. L-iktar inċidenti seħhew bejn it-3:00 u s-6:00pm, b’ total ta’ 833 każ irrapurtat, filwaqt li kien hemm 810 inċident bejn id-9:00am u nofsinhar. L-inqas numru ta’ inċidenti, jiġifieri 70, kienu rrapurtati bejn it-3:00am u s-6:00am.

L-ogħla rata ta’ inċidenti tat-traffiku kienet reġistrata f’Birkirkara (260 inċident), Wara Birkirkara kien hemm Ħal Qormi b’221 inċident u l-Marsa b’195 inċident.

More in Kronaka