Persuna tmut f'sit ta' kostruzzjoni

Persuna titlef ħajjitha filwaqt li tnejn oħra jindarbu

Għall-ħabta tas-siegħa u kwart ta’ waranofsinhar, seħħ inċident ġewwa sit ta’ kostruzzjoni li tinsab fi Triq Abate Rigord kantuniera ma’ Triq il-Ġnien, il-Gżira.

Il-Pulizija tal-Għassa marru mill-ewwel fuq il-post u mill-ewwel stħarrig jidher li gallarija flimkien ma’ scaffolding li kienu fl-istess sit għal xi raġuni ċedew u kawża t’hekk indarbu tliet ħaddiema.

Sfortunatament, wieħed minn dawn il-persuni li huwa raġel ta’ 56 sena residenti Birkirkara ġie ċċertifikat mejjet fuq il-post. Iż-żewġ ħaddiema l-oħra, it-tnejn irġiel li għandhom 62 sena u 44 sena, residenti Birkirkara u San Ġwann rispettivament, ittieħdu l-Isptar Mater Dei għall-kura meħtieġa.

Ftit wara, ir-raġel ta’ 62 sena ġie ċċertifikat li jinsab fil-periklu tal-mewt filwaqt li l-kundizzjoni medika tar-raġel ta’ 44 sena għadha mhux magħrufa.

Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa li ordnat li ssir inkjesta uħatret diversi esperti sabiex jassistuha.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.

More in Kronaka