“Wegħduna €6 u ngħatajna €4.50” – Xufiera tal-linja
Xufiera tal-linja jallegaw li ġew mwegħdin €6 fis-siegħa u wara ngħataw €4.50
minn Albert Gauci Cunningham
Numru ta’ xufiera li tkellmu mal-ILLUM urew l-għadab tagħhom għal dak li huma sejħulu “daħk fil-wiċċ” tal-kumpanija Spanjola, li akkużawha li qed twiegħed lix-xufiera l-ġodda paga ta’ €6 kull siegħa biex imbagħad tħallashom €4.50 ladarba jibdew l-impjieg. Ir-raġuni tal-kumpanija, qalulna dawk li tkellmu magħna, hija li din tkun ħallsitilhom il-liċenzja biex ikunu jistgħu jsuqu xarabank.
Din ir-rata, skont ix-xufiera li tkellimna magħhom, tibqa’ titħallas għal numru ta’ xhur sakemm ix-xufier imbagħad jibda jieħu r-rata sħiħa, jiġifieri €6 fis-siegħa.
Ix-xufiera li tkellmu ma’ dan il-ġurnal sostnew li meta xi impjegati ġodda staqsew lill-kumpanija Spanjola għaliex qed jitħallsu €1.50 inqas minn kif, skonthom, kien mifthiem, din infurmathom li dan qed isir minħabba li hi tagħthom it-taħriġ u finalment il-liċenzja biex ikunu jistgħu jsuqu l-vettura. Huma allegaw li ma kinux infurmati dwar dan qabel ma bdew l-impjieg tagħhom u ħassewhom offiżi li l-kumpanija qed tittrattahom b’dan il-mod.
“Sewwa, mela għandna paga miżera u jkomplu jagħmluha iktar miżera billi jippruvaw ipaċu ftit mill-ispejjeż tal-liċenzja mid-dħul tagħna” spjega xufier irrabjat ma’ dan il-ġurnal. “Daħqu bina,” qal dan l-istess xufier.
L-ALESA tgħid li tinfurma lix-xufiera minn qabel
L-ILLUM staqsa lill-kumpanija li qed tmexxi t-trasport pubbliku jekk hi tinfurmax lill-impjegati prospettivi tagħha li se jkunu qed jitħallsu €4.50, jiġifieri €1.50 inqas minn dak li huma aċċettaw, għall-ewwel ftit xhur fl-impjieg. Dan il-ġurnal staqsa wkoll jekk ix-xufiera hux qed ikunu infurmati qabel jew wara l-bidu tal-impjieg tagħhom dwar din id-differenza.
Il-kumpanija ma ċaħditx li jissemma l-ammont ta’ €6 lill-impjegati l-ġodda imma ċċarat li “jingħad ċar li l-ħlas hu sa €6”. Il-kumpanija kompliet tgħid li “dan jiddependi fuq l-ammont ta' esperjenza li għandu s-sewwieq b’liċenzja biex isuq karozza tal-linja”. Li allura jikkonferma li dawk li jidħlu jaħdmu fit-trasport pubbliku u li jkunu jeħtieġu l-liċenzja speċjali biex isuqu xarabank jitħallsu inqas minn €6.
L-ALESA ċaħdet iżda li ma tinformax lill-impjegati prospettivi b’dan u sostniet li “tikkonferma li tagħmel il-pożizzjoni tagħha ċara dwar dan l-imsemmi fatt, mal-applikanti kollha, anke fl-istadju tal-intervisti u saħanistra meta l-impjegat ikun se jiffirma l-kuntratt mal-Malta Public Transport, fejn is-salarju jkun indikat b'mod ċar.”
Il-bidu tal-operat tal-ALESA, għalkemm ħafna aħjar minn dak tal-Arriva, xorta kien u għadu, sa ċertu punt, mtappan b’ilmenti minn diversi ħaddiema tal-kumpanija. Ix-xufiera li tkellmu mal-ILLUM urew id-diżappunt tagħhom bil-prestazzjoni tal-kumpanija Spanjola s’issa, fejn jidħlu l-kundizzjonijiet tax-xogħol.
“Mal-Arriva, bil-problemi kollha li kien hemm, tal-anqas konna qed naqilgħu lira, ma dawn xejn”, sostnew ix-xufiera li tkellmu magħna.