(AĠĠORNAT) It-tfajla Ċeka tinstab qawwija u sħiħa wara li għebet f’Għajn Tuffieħa

It-tfajla ta’ 23 sena tinstab qawwija u sħiħa, ftit metri ‘l bogħod minn Għajn Tuffieħa

Iż-żagħżugħa Ċeka li maret tgħum fil-bajja ta’ Għajn Tuffieħa fl-4:00am flimkien ma’ raġel Malti minn Birkirkara instabet qawwija u sħiħa ftit sigħat wara li kienet irrapurtata nieqsa.

Aktar kmieni, l-pulizija qalet li t-tfajla ta’ 23 sena mir-Repubblika Ċeka sparixxiet waqt li kienet qed tgħum fis-sigħat bikrin ta’ filgħodu. Kien żagħżugħ Malti li kien qed jgħum magħha li għamel ir-rapport lill-pulizija.

Hu qal li tela fuq il-bajja għax-xugaman mill-karozza u meta rritorna, t-tfajla kienet sparixxiet. Madankollu, ftit sigħat wara li membri tal-forzi armati u l-pulizija mid-distrett tal-Mosta marru jfittxu t-tfajla, din tal-aħħar instabet qawwija u sħiħa.

It-tfajla nstabet għall-ħabta tal-10:30am viċin tal-Park tal-Majjistral, ftit metri ‘l bogħod mill-bajja. Hija kienet misjuba minn raġel fil-viċin, li meta raha, offrielha kenn u informa lil pulizija li sadanittant informaw liż-żagħżugħ biex jikkonferma li kienet it-tfajla Ċeka li mar jgħum magħha aktar kmieni.

Helikopter u numru ta’ għaddasa tal-Forzi Armati kienu qed ifittxu t-tfajla fil-baħar. 

More in Kronaka