50 ħaddiem tal-Air Malta mhux se jiġġeddidilhom il-kuntratt

Il-President tal-Unjin tal-Cabin Crew jiżvela li "m'hemm l-ebda sieħeb strateġiku interessat" fl-Air Malta

F’kummenti esklussivi mal-ILLUM, il-President tal-Unjin tal-Cabin Crew Noel Mercieca żvela kif mill-aħħar informazzjoni li ngħatat lilhom mill-Ministru tat-Turiżmu Edward Zammit Lewis, “m’hemm l-ebda sieħeb strateġiku interessat” fl-Air Malta. Fi tweġibiet lil dan il-ġurnal, huwa jgħid ukoll li meta l-unjin staqsiet lill-istess Ministru jekk il-Gvern kienx f’diskussjonijiet mat-Turkish Airlines, dan “dejjem innega.”

Il-kummenti ta’ Mercieca jingħaqdu ma’ dawk ta’ Dominic Azzopardi, il-President tal-Assoċjazzjoni tal-Bdoti tal-Air Malta, li meta mistoqsi mill-ILLUM dwar in-negozjati li qed isiru bħalissa biex jinstab sieħeb strateġiku, qal li la hu u lanqas ħadd mill-assoċjazzjoni tiegħu mhu qed ikun informat.

“Kull ma nafu huwa dak li nisimgħu fuq il-gazzetti. Ma nafux jekk il-Gvern hux qiegħed f’kuntatt mat-Turkish Airlines, maċ-Ċiniżi, mal-Abu Dhabi, jew ma kwalunkwe linja tal-arju oħrajn,” sostna Azzopardi.

Intant, dan il-ġurnal staqsa lill-Ministru Zammit Le"wis jikkonfermax jew jiċħadx jekk il-Gvern għadux għaddej b’diskussjonijiet mat-Turkish Airlines biex din tkun sieħeb strateġiku tal-linja nazzjonali ta’ pajjiżna. F’risposta xotta ta’ 15-il kelma, Zammit Lewis qal: “Il-Gvern m’għandu xejn xi jżid mal-kummenti li saru meta din il-kwistjoni qamet f’Mejju li għadda.”

50 ħaddiem mhux se jiġġeddidilhom il-kuntratt

Ma’ dan il-ġurnal, Noel Mercieca lmenta wkoll kif madwar 50 ħaddiem temporanju tal-Cabin Crew mhux se jiġġeddidilhom il-kuntratt, minkejja li ġew assigurati li d-domanda għax-xogħol se tibqa’ l-istess.

“50 ħaddiem li bħalissa qed jaħdmu u li jispiċċalhom il-kuntratt fix-xhur li ġejjin, mhux se jiġġeddidilhom l-istess kuntratt, b’kuntrarju għal dak li ġara x-xitwa li għaddiet,” Mercieca qal.

Huwa sostna kif din id-deċiżjoni ma tagħmilx sens hekk kif il-Ministru Zammit Lewis stess kien assigurahom kif minkejja li n-numru ta’ ajruplani se jonqsu, l-ammont ta’ xogħol u d-domanda kienet se tibqa’ l-istess. “Allura wieħed jistaqsi kif huwa mistenni li inqas ħaddiema jlaħħqu mal-istess volum ta’ xogħol?”

Mal-ILLUM, Mercieca qal kif meta l-unjin staqsiet lil Zammit Lewis jekk l-Air Malta hijiex nvoluta f’xi diskussjonijiet mat-Turkish Airlines jew mal-linja tal-ajru Ċiniża Hainan “il-ministru dejjem innega.”

“L-aħħar informazzjoni mingħand il-Ministru tat-Turiżmu kienu li m’hemm l-ebda sieħeb strateġiku interessat…Qatt ma konna infurmati li kien hemm xi diskussjonijiet ħlief mill-mezzi tax-xandir,” qal Mercieca.

Azzopardi, sostna kif minkejja li l-Ministru Zammit Lewis qal li l-impjieg tal-bdoti se jibqa’ assigurat, “il-Gvern mhu qed jgħidilna xejn dwar il-futur tal-Air Malta u wisq inqas fuq il-pjan ta’ ristrutturar.”

Storja ta’ ħela, ingaġġi politiċi u pagi eżorbitanti

Is-sitwazzjoni preżenti tal-linja nazzjonali tal-Air Malta ilha tinġema’ għal bosta snin, b’bosta jgħidu li l-miġja tal-linji tal-ajru low cost wasslet għal iktar telf. Oħrajn jippuntaw subgħajhom lejn diversi kundizzjonijiet oħra, fosthom l-ingaġġ bla kontroll u xi kultant b’xi xamma politika ta’ diversi ħaddiema, l-ingaġġ ta’ eks-CEOs b’pagi eżorbitanti, partikolarment Peter Davies b’paga ta’ €500,000, u kif ukoll deċiżjonijiet dubjużi meħuda mill-politiċi u mill-management. Fl-Oppożizzjoni, il-Partit Laburista kien ta’ sikwit isemmi x-xiri tal-flotta tal-RJ70s.

Skont il-pjan ta’ ristrutturar maqbul bejn il-Gvern Malti u l-Kummissjoni Ewropea, il-linja nazzjonali ta’ pajjiżna, jeħtieġ li tirreġistra profitt sa Marzu 2016. Din l-isfida mistennija tkun waħda diffiċli, aktar u aktar minħabba l-fatt li fl-2015, l-Air Malta rreġistrat telf ta’ €16 miljun minflok ma tibqa’ tagħmel it-telf.

More in Kronaka