Eluf ta' nisa Yazidi, minn tfal sa nisa ta' mezz'eta ġew mibjugħa bħala skajvi tas-sess mill-ISIS meta ħatfu l-villaġġi tagħhom fil-provinċja tat-tramunatna tal-Iraq, Sinjar. Ħafna minnhom irnexxielhom jaħarbu u rrakkuntaw minn xhiex għaddew taħt idejn l-aktar grupp ta' militanti barbari li ilna ma naraw bħalhom snin kbar.
Dan kollu ispirahom biex ma jaċċettawx aktar abbużi fuqhom billi joqgħodu kwieti u ma jagħmlu xejn. Għalhekk grupp li qed jikber aktar ma jgħaddu ġranet taħt it-tmexxija tal-kantanta Yazidi, Xeta Shingali iffurmaw armata msejħa 'SUN GIRLS' u ddeċidew li jiġġieldu kontra l-kriminali tal-ISIS li ħatfu, vvjolentaw u qatlu eluf mill-poplu tagħhom.
L-iżgħar rekluta għandha 17-il sena u m'għandha l-ebda biża, "jekk joqtluni nibqa ngħid li jien Yazidi." Bħalissa l-armata għandha 132 suldat minn 17 sa 30 sena u qed jiġu ttrenjati kif jużaw l-armi minn ġellieda Kurdi.
L-għajta tagħhom hi, "huma stuprawna u aħna noqtluhom". U dan żgur se jbeżża lil militanti Iżlamiċi tal-ISIS għax skont it-wemmin tagħhom jekk jiġu maqtula minn mara jfisser li ma jingħataw it-72 mara verġni fil-ġenna. Il-Kap tas-Sun Girls, Xate qalet li l-ebda gwerrier tagħhom mhu se jmur il-ġenna għax se jiġu maqtula min-nisa.