Jiddominaw l-ilmenti tal-Laburisti fuq stħarriġ tal-ILLUM
Aktar minn 53% jgħidu li dan il-gvern sejjer tajjeb ħafna
More in Kronaka
Aktar minn 53% jgħidu li dan il-gvern sejjer tajjeb ħafna
Is-sit elettroniku illum.com.mt staqsa lill-qarrejja tiegħu x’inhu l-ġudizzju tagħhom tal-Gvern Laburista sentejn u nofs wara r-rebħa elettorali. B’kollox ivvutaw 1,169 persuna. Minn dawn 626 (53.5%) qalu li dan il-Gvern sejjer tajjeb ħafna u 227 (19.4%) qalu li sejjer ħażin ħafna. Dan ifisser illi maġġoranza assoluta tal-qarrejja tal-illum.com.mt taw ċertifikat pożittiv lill-Gvern. Minkejja dan 293 (25%) qalu li f’dawn is-sentejn u nofs raw deċiżjonijiet tajbin imma oħrajn ħżiena wkoll.
Intant is-sit irċieva b’kollox 85 kumment ma’ dan l-istħarriġ. Fost dawn kien hemm kummenti pożittivi ħafna bħal dawk ta’ Rita Grioli, Therese Bilocca, Rita Aguis, Winston Baldacchino u Maria Bugeja li saħqu li dan huwa “Gvern tajjeb ħafna”. Ronald Abela qal li l-Gvern huwa “ħafna aħjar mill-Gvern ta’ qablu” waqt li Joanna Caruana qalet li huwa tajjeb għax qed jindirizza l-prekarjat. Peter Bonello ta’ lista sħiħa ta’ miżuri li ħa l-Gvern fosthom child care b’xejn u it-tnaqqis fil-kontijiet filwaqt li Andrew Camilleri fakkar kif anke l-aġenziji ta’ kreditu qed jgħidu li l-politika tal-Gvern hija tajba.
Imma fattur li qam b’saħħa fost il-kummenti kien dak ta’ Laburisti li jħossu li l-Partit abbandunahom jew li jiddeskrivu lilhom infushom bħala “mweġġgħin”. Joseph Bonello u Marie Agius jgħidu li wasal iż-żmien li jkun indirizzat il-“garr tas-suldati tal-azzar” filwaqt li Godwin Cammileri jgħid kif hu qala’ transfer taħt Gvern tal-PN u issa reġa qala’ ieħor. Huwa qal li jaħdem mal-Forzi Armati ta’ Malta u li mhux se jerġa jivvota. Rene Savona Ventura qal illi hawn ħafna tgergir “min fuq xogħol, min fuq promotion. Pero wara li nfakkarhom x’sar f’dawn is-sentejn jammettu li dan il-Gvern huwa aħjar minn ta’ qablu”. Walter Spiteri jistaqsi meta se jibdew ikunu ndirizzati l-inġustizzji fil-Korp tal-Pulizija “ xbajt inħabbat bibien, jekk il-Gvern li nemmen fih verament jisma għandu jagħtina risposta”.