Il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna laqa’ l-valutazzjoni u qal li dan juri li l-isforzi tal-Gvern qed jiġu rrikonoxxuti sabiex il-Gvern jaħdem biex jiġbed l-investiment lejn oqsma ġodda fejn jista’ jseħħ tkabbir.
“Il-valutazzjoni pożittiva ta’ Fitch Ratings, kemm fil-previżjonijiet ekonomiċi kif ukoll f’dawk fiskali, tikkonferma l-fiduċja tagħna fil-kapaċità tagħna li nibqgħu nilqgħu l-miri baġitarji ambizzjużi tagħna,” Scicluna qal.
Fir-rapport tagħha, Fitch bassret li d-defiċit fiskali se jibqa’ fit-triq tan-niżla, l-aktar b’riżultat tal-politika ta’ konsolidament li jiffavorixxi t-tkabbir ekonomiku. L-aġenzija qed tbassar li dawn ir-riżultati ekonomiċi se jissuktaw fis-snin li ġejjin, imsaħħaħ minn investiment qawwi, tkabbir sostnut fis-setturi tas-servizzi, u ċaqliqa strutturali fl-ekonomija lejn attivitajiet b’valur miżjud ogħla.
Fitch irrikonoxxiet ukoll it-tkabbir ekonomiku qawwi b’riżultat ta’ tnaqqis fil-qgħad, spejjeż iktar baxxi għall-enerġija, u tkabbir kontinwu tal-kreditu. Hija laqgħet l-impenn tal-Gvern li jiżgura s-sostenibbiltà fiskali permezz tal-addozzjoni tal-Att dwar ir-Responsabbiltà Fiskali, u rrimarkat li dan se jgħin biex tiġi ggarantita l-fiduċja fil-miri fiskali.
Filwaqt li Fitch tirrikonoxxi l-proporzjon relattivament għoli tal-garanziji governattivi li akkumulaw taħt l-amministrazzjonijiet preċedenti, tinnota li l-investiment riċenti mix-Shanghai Electric Power Company beda jtejjeb il-qagħda finanzjarja tal-Enemalta, u li dan wassal għal inqas riskju li l-obbligazzjonijiet kontinġenti jistgħu jikkristallizzaw.
L-aġenzija nnutat ukoll is-sisien sodi u l-likwidità kbira fis-swieq tal-kapital f’Malta. Barra minn hekk, irrimarkat dwar l-iżvilupp istituzzjonali pożittiv li seħħ fl-aħħar sitt xhur, bil-ħolqien ta’ qafas uniku ta’ viġilanza u t-twaqqif ta’ fond ta’ riżoluzzjoni.
Fitch esprimiet ukoll il-fehma tagħha li pajjiżna se jibqa’ jesperjenza tkabbir ekonomiku li jisboq lil dak tal-pajjiżi l-oħrajn taż-Żona tal-Ewro u li, fl-istess ħin, il-finanzi pubbliċi se jibqgħu jitjiebu.
Fitch qed tbassar li d-defiċit fiskali se jibqa’ fit-triq tan-niżla, l-aktar b’riżultat tal-politika ta’ konsolidament li jiffavorixxi t-tkabbir ekonomiku.