Dan il-ġurnal għandu ittra f’idejh li turi kif Carmelo Pulis, li f’Awwissu tas-sena 2011 instab ħati li abbuża minn xejn inqas minn disa’ subien taħt il-ħarsien tiegħu, u li kellu l-appell dwar il-każ miċħud, issa applika għall-parole. Pulis, ħati li kkorrompa lil dawn is-subien fid-Dar ta’ San Ġużepp, kien ingħata sentenza ta’ sitt snin ħabs, liema sentenza kienet riaffermata mill-Qorti tal-Appell f’Novembru 2012. Jekk Pulis jingħata l-parole, ikun ifisser li jkun skonta biss nofs is-sentenza mogħtija lilu fil-ħabs, u n-nofs l-ieħor barra, b’numru ta’ kundizzjonijiet.
Il-vittma: “Din x’ġustizzja hi?”
Ma’ dan il-ġurnal, wieħed mill-vittmi esprima r-rabja kbira tiegħu u sostna li hija inġustizzja kbira kif “wara snin telgħin u neżlin il-Qorti niġi mitlub biex immur niltaqa’ ma’ bord biex noqgħod nispjega l-impatt li ħalla fuqi l-abbuż. Ma jafux x’impatt ħalla fuqi? Għalfejn iġġilidna għall-ġustizzja? Għalfejn għaddejna minn dik il-passjoni kollha u tajna x-xhieda? Biex issa jiġu f’nofs sentenza u jinfurmawni li hemm ċans li joħroġ mill-ħabs,” sostna l-vittma b’rabja evidenti. “Jekk jingħatalu l-parole se nfitittex il-ġustizzja lil hinn minn Malta, fl-Ewropa” qal il-vittma mal-ILLUM.
Aqra l-istorja kollha fil-ħarġa tal-ILLUM