49 inċident u 10 gravi fi Triq il-Kosta

...kemm ilu għaddej ix-xogħol tal-bini tat-triq mill-ġdid 

B’medja ta’ tliet inċidenti tat-traffiku kull xahar u ammont inkwetanti ta’ persuni midruba, Triq il-Kosta għadha waħda mill-aktar toroq perikolużi f’Malta b’bosta sewwieqa Maltin jesprimu tħassib dwar sewqan perikoluż u traskurat.

Fil-fatt, il-biżà ta’ dawn is-sewwieqa hija waħda ġġustifikata hekk kif skont statistika miġbura mill-pulizija, mogħtija lil din il-gazzetta, matul ix-xogħol fi Triq il-Kosta, kien hemm b’kollox 34 persuna li weġġgħu f’inċidenti, b’total ta’ għaxar persuni jittieħdu l-isptar bi ġrieħi serji.

Indubjament, matul is-snin Triq il-Kosta saret waħda mill-iktar toroq rinomati għal sewqan perikoluż, veloċità eċċessiva, inċidenti, u sfortunament imwiet. Għal diversi drabi, is-sewwieqa, u kif ukoll l-awtoritajiet Maltin, sostnew li ħafna mill-inċidenti kienu kawża ta’ sistema ta’ traffiku mhux tajba biżżejjed u li saħansitra kienet l-iktar triq perikoluża fil-gżejjer Maltin.

Kien għalhekk li f’Mejju tal-2014 beda x-xogħol fi Triq il-Kosta, bil-Ministru tat-Trasport Joe Mizzi jinsisti li l-għan aħħari tax-xogħlijiet huwa sabiex it-triq tkun tiflaħ in-numru ta’ sewwieqa u sabiex din tkun inqas perikoluża.

Minkejja dan, 15-il xahar wara li x-xogħol fi Triq il-Kosta beda, it-triq għadha sfortunament, rinomata għal sewqan perikoluż u inċudenti tat-traffiku. Fil-fatt, skont ċifri li ngħataw lil din il-gazzetta, kien hemm b’kollox 49 inċident li fih weġġgħu xi nies. Madankollu, kelliem għall-pulizija spjega mal-ILLUM li dan in-numru jkopri biss dawk l-inċidenti serji u li fil-verità hemm bosta inċidenti oħrajn li jiġu rrapurtati biss lill-gwardjani lokali.

L-istess ċifri juru kif b’kollox kien hemm 34 persuna li weġġgħet bejn Mejju tal-2014 u Awwissu tal-2015. Bl-istess mod, kien hemm 23 persuna li sofrew ġrieħi ħfief, tlieta sofrew ġrieħi ħfief ħafna, filwaqt li kien hemm total ta’ għaxar persuni li ttieħdu l-isptar b’ġrieħi serji. 

Il-figuri juru kif bejn Mejju u Diċembru tal-2014 weġġgħu b’kollox 18-il persuna, ħamsa minnhom gravi, f’26 inċudent tat-traffiku seperat. L-iktar xahar perikoluż is-sena l-oħra kien Ġunju hekk kif tmien persuni kienu weġġgħu f’erba’ inċudenti. Bl-istess mod, sa issa, Awwissu kien l-aktar xahar perikoluż ta’ din is-sena wara li kien hemm seba’ persuni li sofrew xi ġrieħi. Biss biss, ġurnata biss qabel tmiem ix-xahar, f’Awwissu kien hemm erba’ inċidenti serji fi Triq il-Kosta, bl-iktar wieħed riċenti ikun dak tal-20 ta’ Awwissu meta weġġgħu żewġ persuni, wieħed minnhom gravi.

L-inċidenti riċenti wassal sabiex in-numru ta’ inċidenti serji tul Triq il-Kosta f’din is-sena biss jitla’ għal 23.

Bosta qarreja tal-ILLUM spjegaw kif minkejja t-twissijiet tal-pulizija u Transport Malta, is-sewqan fi Triq il-Kosta għadu wieħed perikoluż u “tal-biżà.” Oħrajn spjegaw kif apparti s-sewqan traskurat u eċċessiv ta’ sewwieqa oħra, persuna li tkun qed issuq tul Triq il-Kosta issa trid toqgħod b’seba’ għajnejn għal sistema ta’ traffiku konfliġġenti.

Bla dubju, l-istess qarrejja li tkellmu ma’ din il-gazzetta tennew li b’konsegwenza ta’ dan, in-numru ta’ inċidenti fi Triq il-Kosta mistenni jiżdied. Fl-isfond tan-numru inkwentanti ta’ inċidenti f’dawn l-aħħar xhur, kienu bosta dawk li rrikorrew għal mezzi soċjali biex isejħu għall-kampanja ta’ edukazzjoni dwar is-sewqan u anke infurzar ta’ regolamenti kontra sewqan traskurat u kontra sewwieqa li jsuqu b’mod b’veloċità eċċessiva, li jsuqu bil-mowbajl, u li oħrajn li m’għandhomx sabar.

Intant, skont statistika uffiċjali mill-Uffiċju Nazzjonali tal-Istatistika turi kif sa Ġunju, kien hemm 7,482 inċident tat-traffiku fit-toroq Maltin, b’seba’ minnhom ikunu fatali. Aktar inkwetanti huwa l-fatt li meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena l-oħra, in-numru ta’ inċidenti tat-traffiku żdiedu b’479.

 

More in Kronaka