Matul l-ewwel seba’ xhur, il-pulizija neħħiet 101 karozza bi pjanċi barranin li kienu mingħajr liċenzja.
Kien hemm minnhom li kienu b’assigurazzjoni skaduta jew ma kienux reġistrati ma’ Transport Malta fiż–żmien stipulat mal-liġi. Il-karozzi li ġew irmonkati ttieħdu l-garaxx tal-pulizija.
F’Lulju, dan il-ġurnal żvela kif Transport Malta m’għandhiex is-sistema meħtieġa biex tkun tista tagħti ċitazzjoni lil vettura bi pjanċa barranija. Dan ifisser li jekk karozza bi pjanċi barranin tikser il-liġijiet tat-traffiku, inkuż tal-parking u sewqan eċċessiv ma jistgħux jingħataw ċitazzjoni.
Kuntrarjament, persuna taħdem fi Transport Malta ammettiet ma’ dan il-ġurnal li minflok ċitazzjoni, jista jsir rapport l-għassa biex il-vettura tkun tiġi rrmonkatha. “M’hemmx mezz ieħor li titneħħa karozza ta’ dan it-tip ħlief li tkun ittowjata,” uffiċjal ta’ TM qal lill-ILLUM.