Erba’ pulizija biss waqt il-ħin tal-attakk f'Paceville

Wara l-attakk ta' Libjan li ħalla persuna tiġġieled għal ħajjitha u ħamsa oħra bi ġrieħi serji, l-Ministru Carmelo Abela ma jeskludix għassa separata f’Paceville

Uffiċjali għolja fi ħdan il-Korp tal-Pulizija qalu li dak il-ħin li ġara l-inċident f’Paceville fejn diversi nies sfaw feruti minn Libjan armat b’mus, kien hemm biss erba’ uffiċjali tal-pulizija għassa mad-distrett kollu, liema distrett ikopri San Ġiljan u Paceville.

Fil-fatt, il-gazzetta ILLUM hija infurmata li fil-ħin tal-attakk li seħħ fis-sigħat bikrin ta’ nhar il-Ħadd 13 ta’ Settembru, kellha saħansitra tissejjaħ l-għajnuna ta’ uffiċjali tal-pulizija li kienu stazzjonati fit-Tramuntana ta’ Malta, fosthom dawk li kienu fuq xogħol l-Għadira.

Madankollu, f’imejl mibgħuta mit-Taqsima tal-Komunikazzjoni tal-Pulizija, ntqal li matul dak il-lejl, u mhux speċifikament waqt il-ħin tal-attakk, kien hemm b’kollox tmien pulizija. Huma spjegaw ukoll li r-raġuni għalfejn in-numru ta’ pulizija stazzjonati Paceville kien żgħir minħabba impenji oħrajn f’partijiet oħra tal-pajjiż.

Ma’ dan il-ġurnal, bosta uffiċjali tal-pulizija sostnew li l-inċident tal-ġimgħa l-oħra jixhed stampa ċara tan-nuqqas ta’ pulizija li hemm Paceville, xi ħaġa li sostnieha wkoll is-sindku ta’ San Ġiljan Karl Gouder li mal-ILLUM spjega kif ir-riżorsi tal-pulizija fil-lokal ilhom għal bosta snin jiġu mġebbda, u li ma jistgħux ikopru man-numru ta’ inċidenti li jseħħu ta’ kuljum.

‘Il-ġlied u l-imwies f’Paceville saru n-norma’

Mistoqsi jekk il-Gvern għandux pjanijiet li jagħmel għassa separata f’Paceville, il-Ministru tal-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Carmelo Abela qal lill-ILLUM li bħalissa l-Gvern għaddej b’eżerċizzju ta’ konsultazzjoni mal-Korp tal-Pulizija u qed jiġu analizzati l-oqsma li jirrikjedu attenzjoni fl-istrateġija li qiegħda tiġi mfassla, inkluż dik tal-għasses tal-pulizija.

Uffiċjali għolja fi ħdan il-Korp tal-Pulizija u oħrajn fir-Rapid Intervention Unit (RIU) li tkellmu mal-ILLUM qalu li l-kriminalità f’Paceville mhux fenomenu ġdid, u li fis-sajf, l-inċidenti jiżdiedu ħafna iktar minħabba l-influss enormi ta’ żgħażagħ.

“Ir-realtà hija li l-ġlied f’Paceville sar in-norma. Mhux l-ewwel darba li l-pulizija jsibu mwies u armi oħra fil-pussess ta’ persuni f’Paceville. L-inċident li ġara l-ġimgħa l-oħra jixhed stampa ċara tas-sitwazzjoni tal-biżà u xokkanti li qed jesperjenzaw il-pulizija stazzjonati f’Paceville,” s-sorsi qalu.

Dan sostnewh fl-isfond ta’ attakk vjolenti li seħħ fit-13 ta’ Settembru meta Enab Zorgani, Libjan ta’ 22 sena, fera diversi nies waqt attakk b’arma bil-ponta. Konsegwenza tal-inċident, ġuvni Olandiż ta’ 18-il sena spiċċa fil-periklu tal-mewt, waqt li ħames irġiel oħra sofrew ġrieħi gravi. Fil-Qorti ħareġ ukoll li l-ebda mill-vittmi ma kienu involuti fl-argument li minnu beda l-inkwiet kollu, u fil-fatt kienu biss għaddejjin fil-post.

 

Pulizija f’Paceville mhux armati, mingħajr it-tagħmir neċessarju

Mal-ILLUM, is-sorsi tal-pulizija qalu li s-sigurtà f’Paceville ilha sejra mill-ħażin għall-agħar, u li l-pulizija mhux qed iħossuhom protetti. Aktar minn hekk huma qalu li l-pulizija mhux attrezzata bit-tagħmir neċessajru u li dak li ġara l-ġimgħa l-oħra, jiġifieri li t-tliet pulizija li arrestaw lil-Libjan kienu mgħammra biss b’taser gun wieħed bejniethom, ma jistax jerġa jirrepeti ruħu għax jista’ jwassal għal konsegwenzi iktar sejri.

“Il-pulizija li jkunu stazzjonati f’Paceville irid ikollhom it-tagħmir kollu neċessarju. Ma jistax ikun li pulizija f’Paceville ma jkunx armat u li jkun liebes l-uniformi normali tax-xogħol, għax mhix idonea, u minflok, hemm bżonn li jkunu lebsin ilbies speċjalizzat li jipproteġi l-pulizija minn per eżempju daqqiet ta’ sikkina,” il-pulizija qalu lill-ILLUM.

Bl-istess mod, huma qalu li hemm bżonn li tiġi mibnija għassa tal-pulizija f’Paceville u li l-pulizija stazzjonati hemm iridu jkunu skwadra għalihom u distinta minn dik ta’ San Ġiljan.

 

‘Lejl sajfi għar-residenti f’San Ġiljan: Ġlied, vandaliżmu, għajjat, u ħmieġ’

Madankollu, mal-ILLUM, is-Sindku ta’ San Ġiljan, Karl Gouder sostna li l-bini ta’ għassa ġdida f’Paceville mhux biżżejjed biex tissolva l-problema ta’ sigurtà f’Paceville.

“Għassa ġdida f’Paceville tkun inutli jekk in-numru ta’ pulizija jibqgħu kif inhuma, u lanqas jekk il-pulizija tad-distrett kollha jiġu stazzjonati f’Paceville għax dawn iridu jlaħħqu mal-inċidenti l-oħra li jseħħu fil-madwar. L-uniku soluzzjoni hija li jiżdiedu n-numru ta’ pulizija.”

“Il-miżerja li r-residenti jridu jħabbtu wiċċhom fi tmiem il-ġimgħa matul ix-xitwa jesperjenzawh ta’ kuljum matul is-sajf. Ta’ kuljum, residenti jiltaqgħu ma’ vandaliżmu, ħmieġ, għajjat u ġlied,” temm jgħid is-Sindku ta’ San Ġiljan. 

More in Kronaka