Iktar minn 650 Libjan ifittex l-ażil f’Malta din is-sena

Il-Libjani, s-Sirjani, u l-Ukreni l-iktar nies li fittxu l-ażil f'Malta matul l-ewwel tmien xhur tas-sena

Fl-2013 biss, l-Ambaxxata Maltija fil-Libja ħarġet b’kollox 37,486 viża.
Fl-2013 biss, l-Ambaxxata Maltija fil-Libja ħarġet b’kollox 37,486 viża.

Ċifri uffiċjali li għandha f’idejha l-gazzetta ILLUM juru kif din is-sena biss, f’Malta kien hemm  664 persuna Libjana li fittxet l-ażil f’Malta wara li waslu fil-pajjiż permezz ta’ mezzi legali.

Fil-fatt, l-istess ċifri juru kif ftit aktar minn 70% tal-persuni li applikaw għall-ażil f’Malta wara li waslu b’mod legali kienu Libjani, filwaqt li 155 minnhom kienu Sirjani, u 57 Ukreni.

Biss biss, bejn Lulju u Settembru 18, kien hemm 113 Libjan li applikat għall-ażil f’Malta, u 46 Sirjan.

Sorsi li tkellmu ma’ dan il-ġurnal spjegaw kif il-maġġoranza tal-Libjani li applikaw għall-ażil f’Malta waslu f’pajjiżna permezz ta’ viżas maħruġa mill-Ambaxxata Maltija, u li sa issa, f’din is-sena ma waslux Libjani permezz ta’ dgħajjes. L-istess sorsi spjegaw li l-ħruġ tal-viżas ilu għal bosta snin jintuża minn persuni Libjani sabiex dawn tal-aħħar jiġu Malta.

Fil-fatt, mill-2011 ’l hawn, jiġifieri f’nofs l-instabbilità Libjana u l-waqa’ tal-eks dittatur Muammar Gaddafi, inħarġu b’kollox 74,958 viża.  Fl-2013 biss, meta fil-Libja kien hemm attentat ta’ kolp ta’ stat, inħarġu b’kollox 37,486 viża.

Sa issa, fl-2015, l-Ambaxxata Maltija fil-Libja ħarġet 1,592 applikazzjoni għall-viżas. Filwaqt li mill-ewwel daqqa t’għajn jidher li kien hemm nuqqas drastiku, ir-rata ta’ kemm kienu aċċettati l-applikazzjonijiet għall-viżas, jiġifieri dik ta’ 99% tqajjem mistoqsijiet oħrajn.

Dawn il-viżas mhux neċessarjament jingħataw lil persuni Libjani iżda jinkludu wkoll persuni ta’ nazzjonalitatjiet oħrajn, fosthom Sirjani.  Fil-fatt, skont iċ-ċifri aġġornati sat-18 ta’ Settembru  kienu waslu Malta 155 Sirjan permezz ta’ ajruplan jew mezzi legali oħrajn. Fost dawn, hemm ukoll persuni li waslu Malta wara li jkunu telqu mill-Greċja u għaddew minn bosta pajjiżi Ewropej oħrajn qabel ma qabdu katamaran lejn Malta.

Madankollu, sorsi qrib l-ILLUM spjegaw li dan tal-aħħar ma jseħħx regolarment u li ġeneralment is-Sirjani li jaqsmu l-Ewropa qabel ma jiġu Malta jagħmlu dan għax ikollhom xi familjari f’Malta.

 

Miċ-Ċina, għall-Ukranja, u l-Veneżwela …

L-istess ċifri juru kif sa issa, kien hemm applikazzjonijiet għall-ażil minn 27 pajjiż differenti. Dawn jinkludu persuni mill-Afrika, l-Ewropa, l-Ażja, u anke mill-Amerika t’Isfel. Fil-fatt, f’Malta kien hemm persuni miċ-Ċina, Veneżwela, Indonesja, Serbja, u n-Nepal li applikaw għall-ażil f’Malta.

Minkejja li f’dawn il-pajjiżi m’hemmx gwerra jew instabbilità, dan ma jfissirx li persuna ma tingħatax ażil. Kuntrarjament, kull każ jiġi analizzat individwalment u jekk jiġi stabbilit li l-persuna msemmija qed tkun suġġetta għall-persekuzzjoni f’pajjiżu, xorta waħda tista tingħata ażil.

Aktar minn hekk, il-figuri juru kif fl-2015, wara l-Libja u s-Sirja, l-maġġoranza tal-persuni li fittxew l-ażil f’Malta waslu mill-Ukranja. Fil-fatt kien hemm 57 persuna Ukrena li mal-wasla tagħhom f’Malta huma applikaw għall-ażil, u oħrajn li kienu residenti f’Malta qabel ma applikaw għall-ażil.

Dan il-fatt juri kif il-fenomenu tal-immigrazzjoni mhux biss iċċentralizzat fuq il-pajjiżi Afrikani u tal-Lvant Nofsani, hekk kif fil-verità, kwalunkwe persuna li qed tesperjenza xi forma ta’ instabbilità f’pajjiżna tista’ tapplika għall-ażil.

L-influss tal-immigranti li qed jolqot l-Ewropa u Malta mistenni jkompli għaddej b’kelliem għan-Nazzjonijiet Uniti jgħid li jekk is-sitwazzjoni fis-Sirja ma tissolviex fil-futur qarib, aktar minn miljun Sirjan mistenni jfittex l-ażil fl-Ewropa.

 

600 persuna tingħata l-ażil fl-2015

Intant, l-istess ċifri juru kif fl-ewwel seba’ xhur ta’ din is-sena, kien hemm 826 persuna li applikat għall-ażil, b’ 73% minnhom, iġifieri 599, jiġu aċċettati. L-iktar xhur popolari għall-immigranti kienu Jannar u Marzu meta kien hemm 151 applikazzjoni.

Dawn il-figuri jinkludu wkoll dawk l-immigranti li waslu Malta permezz ta’ dgħajsa. Dawn jammontaw għal 103 persuni biss, hekk kif f’Jannar waslu 87 immigrant, u matul din is-sena nġiebu Malta 13-il persuna oħra permezz ta’ ħelikopter għax kellhom bżonn għajnuna medika urġenti u tliet trabi li twieldu Malta.

Aktar minn hekk, dawk il-persuni li ngħataw ażil jinkludu dawk li ġew rikonoxxuti bħala refuġjati u oħrajn li ngħataw protezzjoni sussidarja u protezzjoni temporanja.

Dawk li jiġu rikonoxxuti bħala refuġjati, jkollhom id-dritt li jġibu l-familja tagħhom minn pajjiżhom u jkollhom l-istess drittijiet daqs dawk ta’ ċittadin Malti, għajr għad-dritt tal-vot, iċ–ċittadinanza Maltija, u passaport Malti. Intant, dawn il-persuni li għandhom ħajjithom fil-periklu, jingħataw protezzjoni sussidjarja.

L-istatistiċi li għandha f’idejha l-ILLUM juru wkoll li minn dawk il-826 applikazzjoni, kien hemm 111 applikazzjoni li ġiet miċħuda. F’dawn il-każijiet, il-persuna tintbagħat lura lejn pajjiżha b’sorsi jispjegaw li dawn ikunu ġeneralment l-immigranti ekonomiċi li jiġu f’pajjiżna bit-tama li jsibu xogħol aħjar u mhux li jiġu protetti minn xi forma ta’ persekuzzjoni.

More in Kronaka