Ħamsa fil-periklu tal-mewt - Chris Fearne

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAS-SAĦĦA

 

Huma sitta u għoxrin-il persuna li sfaw midruba waqt l-attività Paqpaqli għall-Istrina. Minn dawn dsatax-il persuna ngħataw jew qegħdin jingħataw kura fl-Isptar Mater Dei. Ħamsa minn dawn id-dsatax jinsabu fil-periklu tal-mewt, filwaqt li għaxar persuni oħra weġġgħu gravi, erba’ persuni oħra soffrew ġrieħi ħfief tant li ntbagħtu lura d-dar, wara li ngħataw il-kura meħtieġa.  Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet li saret mis-Segretarju Parlamentari Chris Fearne u t-tmexxija tal-isptar Mater Dei.

Fost il-persuni midruba hemm ukoll is-sewwieq tas-super car. Is-sewwieq sofra ġrieħi gravi, iżda mhux fil-periklu tal-mewt.

Seba’ persuni oħra ngħataw il-kura fiċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Raħal Ġdid. Intant fuq il-post tal-inċident marru tmien ambulanzi minn Mater Dei, filwaqt li tliet ambulanzi tar-Red Cross kienu diġà fil-post bħala proċedura normali għal li jista’ jinqala'. L-ambulanzi bejniethom għamlu b’kollox sbatax-il vjaġġ.

Intant l-isptar Mater Dei qiegħed joffri wkoll għajnuna psikoloġika lill-vittmi u l-qraba tagħhom permezz ta’ tim magħmul minn tliet psikjatri u psikoanalista.

 

More in Kronaka