Tliet avukati maqtula fi 11-il sena

Il-qtil kiesaħ u biered tal-Avukat Carmel Chircop kien it-tielet darba li avukat safa maqtul • L-awtopsja fuq Chircop se ssir aktar tard illum
 

Ix-xena fejn seħħ il-qtil tal-Avukat Carmel Chircop • Ritratt: Chris Mangion
Ix-xena fejn seħħ il-qtil tal-Avukat Carmel Chircop • Ritratt: Chris Mangion

Il-qtil kiesaħ u biered tal-Avukat Carmel Chircop ilbieraħ filgħodu kien it-tielet darba mill-2004 li avukat safa maqtul f’Malta – minkejja li dawn id-delitti mhux neċessarjament kienu marbutin mal-ħidma professjonali.

Chircop instab mejjet ilbieraħ f’kumpless ta’ garaxxijiet fi Triq Ġanni Borg, Birkirkara. Huwa nqatel b’mill inqas żewġ tiri ta’ arma tan-nar, sparati minn madwar żewġ metri ‘l bogħod minnu. L-awtopsja fuq il-vittma mistennija sseħħ aktar tard illum.

Minn stħarriġ li għamel l-ILLUM, il-qtil ta’ Chircop kien it-tielet darba li avukat safa maqtul fil-gżejjer Maltin. L-ewwel delitt fuq avukat seħħ fl-2004 f’Marsalforn, Għawdex, meta l-Avukat Michael Grech, ta’ 46 sena u missier ta’ żewġt itfal, safa maqtul b’tir ta’ arma ta’ nar. Dakinhar tal-qtil, il-vittma  kien attakkat minn raġel li kellu wiċċu mgħammad u kien sparat tir ta’ arma tan-nar qabel ma kien ingħata numru ta’ daqqiet b’baseball bat. Huwa kien miet fuq il-post.

Ftit xhur wara l-qtil, il-pulizija kienet arrestat lil ċertu David Zerafa magħruf bħala l-Pixka, u fl-2013, dan tal-aħħar ntbagħat għomru l-ħabs wara li nstab ħati tal-qtil. Waqt il-ġuri ta’ Zerafa kien ġie magħruf ukoll li d-delitt seta’ ġie mmotivat minħabba l-fatt li l-Avukat Michael Grech kien qed jirrapreżenta lill-mara ta’ Zerafa waqt proċeduri ta’ separazzjoni.

L-Avukat Margaret Mifsud (xellug) u l-eks-sieħeb tagħha Nizar El-Gadi (lemin)
L-Avukat Margaret Mifsud (xellug) u l-eks-sieħeb tagħha Nizar El-Gadi (lemin)

Intant, it-tieni delitt ta’ avukat seħħ fid-19 ta’ April tal-2012, meta dakinhar l-Avukat Margaret Mifsud instabet mejta fil-karozza tagħha f’Baħar iċ–Ċagħaq. Mifsud, omm ta’ żewġt itfal żgħar, kienet irrapurtata nieqsa ġurnata qabel wara li kienet naqset milli tirritorna d-dar wara x-xogħol, u ftit sigħat wara, l-pulizija sabu lill-Mifsud f’karozza oăăarkjata fuq il-blat fl-inħawi ta’ Baħar iċ–Ċagħaq.

Tliet xhur wara l-mewt ta’ Mifsud, l-eks sieħeb tal-vittma, Nizar Mustafa El-Gadi, Libjan ta’ 34 sena, ġie akkużat bil-qtil. Huwa qed jiċħad l-akkużi miġjuba kontrih u mistenni jgħaddi ġuri.

More in Kronaka