[Bil-filmat] Is-sewwieq tal-Porsche joħroġ mill-Isptar, se jiġi interrogat mill-Qorti

Paul Bailey, il-milljunarju Ingliż li kien qed isuq il-Porsche waqt Paqpaqli għall-Istrina joħroġ mill-Isptar • Raġel ta’ 54 sena għadu f’qagħda kritika

Is-sewwieq tal-Porsche Paul Bailey f'siġġu tar-roti wara li ħareġ mill-Isptar Mater Dei • Ritratti: Ray Attard
Is-sewwieq tal-Porsche Paul Bailey f'siġġu tar-roti wara li ħareġ mill-Isptar Mater Dei • Ritratti: Ray Attard
Is-sewwieq Ingliż Paul Bailey joħroġ mill-Isptar Mater Dei • Filmat: Ray Attard

Paul Bailey, il-milljunarju Ingliż li nhar il-Ħadd kien qed isuq Porsche qabel ma baqa’ dieħel fi grupp spetatturi waqt l-attività għall-karità Paqpaqli għall-Istrina ħareġ mill-Isptar Mater Dei għall-ħabta tas-1 illum waranofsinhar.

Bailey deher joħroġ mill-Isptar f’siġġu tar-roti u b’faxxa ma’ rasu, u akkumpanjat minn qariba u uffiċjali tal-pulizija. Huwa ddaħħal fil-karozza tal-pulizija li kienet qed tistennih barra l-Isptar u skont informazzjoni li għandha din il-gazzetta, se jidher quddiem il-Maġistrat Consuelo Scerri Herrera bħala parti mill-inkjesta.

Sa issa, huwa mifgħum li l-inkjesta maġisterjali semgħet bosta xhieda jixhdu, nkluż ix-xhieda tal-pulizija u anke dik ta’ Tonio Darmanin, il-producer tal-programm Paqpaqli. Madankollu, skont rapporti f’ġurnali lokali, l-President tar-Repubblika Marie Louise Coleiro Preca għadha ma dehritx fl-inkjesta.

Konsegwenza tal-inċident, il-Porsche 918 Spyder misjuqa minn Bailey ġarrbet ħsarat estensivi u bħalissa qed tiġi investigata mill-pulizija
Konsegwenza tal-inċident, il-Porsche 918 Spyder misjuqa minn Bailey ġarrbet ħsarat estensivi u bħalissa qed tiġi investigata mill-pulizija
Is-sewwieq miljunarju Ingliż Paul Bailey
Is-sewwieq miljunarju Ingliż Paul Bailey

Bailey, sewwieq ta’ esperjenza li kien qed isuq il-Porsche 918 Spyder, sofra ġrieħi gravi f’rasu wara li tilef il-kontroll tal-karozza bil-konsegwenza li baqgħet dieħla fin-nies. Mumenti wara d-daqqa, Bailey deher joħroġ mil-karozza b’rasu maqsuma bid-demm ma’ wiċċu, u sussegwentament, huwa deher b’rasu mfaxxata qabel ma ttieħed l-Isptar Mater Dei.

Hemmhekk huwa ġie ddikjarat li qed isofri minn ġrieħi gravi, iżda ma kienx fil-periklu tal-mewt.

Il-Porsche ġarrbet ħsarat estensivi waqt l-inċident ta' nhar il-Ħadd u bħala parti mill-inkjesta maġisterjali, qegħda tiġi investigata mill-pulizija.

B’konsegwenza tal-inċident ta’ nhar il-Ħadd, kien hemm b’kollox 26 persuna li soffrew xi ġrieħi fl-inċident. 19 minnhom ittieħdu l-Isptar Mater Dei, u erbgħa minnhom kienu f’qagħda kritika, inkluż tifla ta’ sitt is-snin.

Madankollu, tlieta minn dawn, inkluż it-tifla u ommha ta’ 38 sena u ġuvni ta’ 20 sena minn Ħal Tarxien, qalbu għall-aħjar u l-kundizzjoni tagħhom m’għadhiex kritika, iżda għadhom qed jinżammu l-Isptar għal iktar kura. Minn informazzjoni li għandha l-ILLUM, l-unika persuna li għadha f’kundizzjoni kritika hija raġel ta’ 54 sena li mad-daqqa spiċċa mweħħel bejn il-Porsche u karozza oħra li kienet ipparkjata bħala parti mill-eżebizzjoni tal-karozzi.

More in Kronaka