Kont tad-dawl u l-ilma fantażma li ġie €624
Sid il-kera jippreżenta karta miktuba minnu stess bħala kont tad-dawl u l-ilma
More in Kronaka
Sid il-kera jippreżenta karta miktuba minnu stess bħala kont tad-dawl u l-ilma
Koppja barranija, residenti l-Qawra, li għamlu kuntatt mal-gazzetta ILLUM esprimew ir-rabja tagħhom hekk kif sid il-kera tal-appartament fejn kienu qed jgħixu għal madwar sitt xhur, minflok ippreżenta l-kont tad-dawl u l-ilma uffiċjali li joħroġ mill-ARMS, kiteb karta hu stess fejn talabhom iħallsu €624 f’dawl u ilma. Għalkemm il-koppja staqsewh għall-kont uffiċjali, l-istess sid tal-proprjetà baqa’ jinsisti li jħallsu l-ammont ta’ €624, miktub minnu stess.
L-ILLUM staqsa lill-koppja barranija għal kopja tal-kuntratt biex b’hekk ikun jista’ jivverifika l-ilment tagħhom. Fil-kuntratt ippreżentat lilna hemm miktub ċar u tond li l-ħlas għad-dawl u l-ilma għandu jsir jew b’depożitu ta’ €50 fix-xahar li jkun aġġustat meta jasal il-kont, jew inkella li jħallsu l-ammont sħiħ “meta l-kont ikun preżentat”.
“B’kont ippreżentat aħna nifhmu l-kont uffiċjali li joħroġ mill-kumpanija (ARMS) u mhux biċċa karta, li kapaċi jagħmilha kulħadd” spjegaw ma’ din il-gazzetta l-koppja, li saħqu li dan huwa abbuż u li ma kinux lesti li jħallsu.
Kelliema tal-Awtorità għall-Affarijiet tal-Konsumatur u l-Kompetizzjoni (MCCAA) spjegat mal-ILLUM li kollox jorbot mal-kuntratt li l-koppja tkun iffirmat għalih, għalkemm għamlitha ċara li jekk il-kuntratt tal-kera jispeċifika li huma aċċettaw li jħallsu l-kont wara li dan jkun ippreżentat, mela allura dan, bl-aktar mod ċar qed jirreferi għall-kont tal-ARMS “mhux informazzjoni li xi ħadd jiddeċiedi li jikteb fuq karta.”
Fuq il-karta ppreżentata lill-koppja hemm id-dettalji tal-ħlas u l-informazzjoni dwar il-qari tal-meters fil-21 t’Awwissu u fit-8 ta’ Frar ta’ din is-sena. Taħthom, hemm imniżżel ukoll l-ammont ta’ ħlas għad-dawl u l-ilma bejn dawn ix-xhur. Għad-dawl, il-kont tela’ għal €326 u għall-ilma l-kont kien ta’ €298.
Il-koppja li tkellmet magħna qalet li tinsab iddiżapuntata li s-suq tal-kiri hawn Malta tant mhux regolat, li jitħallew jiġru dawn l-affarijiet. “Għandu jkun hemm post fejn dawn l-affarijiet ikunu rraportati. Dan x’jiġifieri ma jridx jurina l-kont? Mela qed ngħixu f’ġungla? Jekk irid li nħallsu l-kont, irid jurina l-kont.”
Minkejja dan, ir-rappreżentanta tal-MCCAA qalet li f’każijiet bħal dawn, persuni li jkunu qed jikru jkollhom kull dritt li jagħmlu ilment quddiem l-awtorità, li min-naħa tieħu l-miżuri kollha neċessarji biex ikun protett il-konsumatur.