Kmieni dalgħodu, għall-ħabta tal-4.40 ta' filgħodu, il-Pulizija ġew infurmati li kien għadu kemm seħħ inċident stradali f’Dawret San Pawl il-Baħar, San Pawl il-Baħar.
Il-Pulizija mid-Distrett tal-Qawra marru minnufih fuq il-post, fejn minn stħarriġ preliminari rriżulta li filwaqt li raġel ta’ 29 sena residenti n-Naxxar kien qiegħed issuq vettura ta’ tip Mercedes Benz fid-direzzjoni lejn ix-Xemxija għal xi raġuni tilef il-kontroll laqat barrier qabeż ċint u baqa’ nieżel m’ogħla tlett sulari ġo wied.
Flimkien miegħu kien hemm ukoll raġel ta’ 32 sena residenti Tas-Sliema.
Il-passiġġier ittella’ mill-wied permezz ta’ ħelikopter minn membri tal-Forzi Armati ta’ Malta, filwaqt li x-xufier tela’ lura għal ġot-triq waħdu. Iż-żewg vittmi ittieħdu l-Isptar Mater Dei sabiex jingħataw il-kura meħtieġa.
Il-Pulizija ġew infurmati li x-xufier tal-vettura ġie ċċertifikat li qiegħed isofri minn ġrieħi ħfief filwaqt li l-passiġġier ġie ċċertifikat li qiegħed isofri minn ġrieħi ta’ natura gravi.