Żewġ ġuvintur, wieħed ta’ 22 sena mix-Xagħra u ieħor ta’ 18-il sena minn Marsalforn, tpoġġew taħt ordni ta’ probation għal tliet snin wara li ammettew li kienu serqu diversi oġġetti, fosthom flus kontanti, minn farmhouse matul is-sajf li għadda.
Il-każ seħħ nhar l-4 ta’ Settembru, 2015, meta sitt bugħaddasa ta’ nazzjonalità barranija rritornaw fir-residenza li kienu krew fi Triq ir-Rabat, Marsalforn, u sabu numru t’affarijiet personali nieqsa. Il-valur ta’ l-oġġetti misruqa, li l-maġġoranza tagħhom huma affarijiet elettroniċi, jeċċedi l-€2,329.37.Madankollu, kien wara xhur t’investigazzjonijiet mill-Pulizija t’Għawdex li ż-żewġ żgħażagħ kienu identifikati u sussegwentament imressqa quddiem il-Qorti f’Ghawdex.
Sadattant, tressaq ukoll Somalu ta’ 22 sena li kien akkużat li kkawża ġrieħi ta’ natura gravi fuq Libjan ta’ 26 sena nhar il-5 ta’ Diċembru, 2015, f’Marsalforn.L-akkużat wieġeb ħati tal-akkużi migjuba kontrih u ngħata sentenza ta’ sentejn ħabs sospiżi għal tliet snin filwaqt li nħarġet ordni ta’ protezzjoni għal sitt xhur.
Iż-żewġ każijiet instemgħu dalgħodu, quddiem il-Maġistrat Paul Coppini.