Żabbari jmut fgat f'barriera

Il-jum tal-bieraħ kien wieħed ferm traġiku għal raġel ta’ 53 sena minn Ħaż-Żabbar li waqa’ bil-gaffa b’kollox f’għadira tajn fil-barriera magħrufa bħala ‘Ta’ Tlata’ li tinsab fiż-żona ta’ Santa Katerina, fir-Rabat.

Il-Pulizija mill-Għassa tar-Rabat marru mill-ewwel fuq il-post fejn issejħu wkoll il-membri tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili. Huwa ġie ċċertifikat mejjet fuq il-post.

Sfortunatament jidher li l-membri tal-Protezzjoni Ċivli ftit setgħu jagħmlu qabel ġew il-ħaddiema l-oħrajn u ttellgħet il-gaffa minn ġot-tajn. Fil-fatt qabel ittellgħet il-gaffa kellu jitnaqqas il-livell tal-ilma, tajn u żrar li kien hemm fl-istess barriera. Hekk kif beda jidher ir-raġel, tal-Protezzjoni Ċivili bdew jiġbduh minn saqajh biex jaqilgħuh. Sfortunatament  hu kien diġà mejjet.

Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Audrey Demicoli li ordnat inkjesta u ħatret diversi esperti biex jassistuha.  

More in Kronaka