Kif sejjer in-negozju? - ‘La tajjeb u lanqas ħażin’
63% tan-negozji fil-Belt Valletta jgħidu li qegħdin fl-istess ilma bħas-sena l-oħra – 65% jgħidu li n-negozju bħalissa ‘mhux ħażin’
minn Albert Gauci Cunningham
Stħarriġ li sar minn l-ILLUM fil-Belt Valletta juri kif 65% tan-negozji la qed jesperjenzaw andament ħażin u lanqas tajjeb matul dawn il-festi tal-Milied. Fil-fatt, 26 negozju minn 40 wieġbu “mhux ħażin” meta mistoqsijin kif sejjer in-negozju dan il-Milied. Intant, 63% qalu li l-volum ta’ negozju jidher li kien l-istess bħas-sena l-oħra, sa dakinhar li sar l-istħarriġ.
L-ILLUM għamlet dan l-istħarriġ nhar is-16 ta’ Diċembru li għadda fost 40 negozju fil-Belt Valletta, imqassmin fi Triq ir-Repubblika, Triq il-Merkanti u Triq Żekka. Kien jinkludi kull tip ta’ negozju fosthom ġojjelleriji, ħwienet tal-ħwejjeġ u aċċessorji, ħwienet taż-żraben, kafetteriji, ħwienet tal-ħelu, ħwienet li jbiegħu prodotti tas-sbuħija, ħwienet tal-ġugarelli u oħrajn li jbiegħu apparat elettroniku.
Minn dawk intervistati, kien wieħed minn kull erbgħa, jew 25% li qalu li n-negozju bħalissa għaddej ‘tajjeb’ jew ‘tajjeb ħafna’, filwaqt li kienu 10% biss li qalu li n-negozju kien sejjer ‘ħażin’ jew ‘ħażin ħafna’. Dwar kif jitqabbel in-negozju mal-istess perjodu tas-sena l-oħra, 23% qalu li sejjer ‘inqas tajjeb’, filwaqt li kienu biss 13% li qalu li s’issa l-bejgħ fil-Belt Valletta huwa aħjar minn dak tas-sena 2014.
Ħerqana għal spinta fin-negozju fil-Belt matul din il-ġimgħa
Il-maġġoranza assoluta ta’ dawk li qalu li bħalissa la sejrin tajjeb u anqas ħażin, jew 78% minnhom, qalu wkoll li għadhom fl-istess ilma bħas-sena l-oħra. Minn dawn, kienu 19% li għalkemm mhux sejrin ħażin din is-sena qalu li fl-istess perjodu ta’ żmien is-sena l-oħra kienu sejrin aħjar. Kienu biss 3.8% ta’ dawn li qalu li sejrin aħjar mis-sena l-oħra.
Il-maġġoranza ta’ dawk li sejrin tajjeb għadhom l-istess
Mill-istħarriġ li sar minn din il-gazzetta jirriżulta li 50% ta’ dawk li sejrin tajjeb qalu li xorta għadhom qegħdin fl-istess ilma bħas-sena l-oħra. 40% qalu li sejrin aħjar filwaqt li 10% ma setgħux jagħtu risposta ċerta. Ħadd minn dawk li rrapurtaw negozju tajjeb ma stqarr li kellu inqas bejgħ mis-sena l-oħra.
Intant kull negozju li qal li sejjer ħażin stqarr mal-ILLUM li qed jirreġistra inqas bejgħ mis-sena l-oħra.
Il-kompetizzjoni: l-akbar uġigħ ta’ ras
Fost l-aktar fatturi li ssemmew mill-ħwienet li ħadu sehem fl-istħarriġ, għan-nuqqas ta’ bejgħ sas-16 ta’ Diċembru, issemmiet il-kompetizzjoni. Fil-fatt, din issemmiet 17-il darba b’kollox. L-aktar forma ta’ kompetizzjoni li tidher li qed tinkwieta lin-negozji fil-Belt Valletta huwa x-xiri minn fuq l-internet, fil-fatt dan isemma’ tmien darbiet. Issemmew ukoll il-kompetizzjoni diretta minn ħwienet oħrajn l-aktar fil-lokalitajiet ta’ Tas-Sliema, Birkirkara, Ħamrun u Raħal Ġdid, b’negozju partikolari jgħid li dawn l-aħħar tlieta huma l-aktar li jikkompetu mal-Belt minħabba varjetà ikbar ta’ prezzijiet offruti.
Fl-istħarriġ li sar minn l-ILLUM issemmew id-daqs u t-tip ta’ esperjenza ta’ xiri li l-konsumaturi qed ifittxu llum. Dwar id-daqs tal-ħanut, negozjant partikolari spjega kif fil-Belt Valletta ħanut huwa ġeneralment iżgħar. “Dan, verament kapaċi joffri esperjenza pożittiva u iktar personali mal-konsumatur imma jkun hemm, u dawn qed jiżdiedu, konsumaturi li jippreferu servizz ħafna inqas personali biex ma jkollhomx għalfejn iħossuhom obbligati.” Negozjant ieħor qal li kemm jista’ jkun, qed ikun hemm marketing aħjar tax-xiri mill-Belt “għax li tixtri mill-Belt hija esperjenza. Tista timxi, mit-toroq ma jgħaddux karozzi u għandek ħafna fejn tmur tiekol jew tieħu ‘drink’ wara.”
Għadu kmieni...iħallu għall-aħħar
Fost l-aktar fatturi msemmijin waqt l-istħarriġ tal-ILLUM kien li kien għad fadal żmien għall-Milied. L-aktar ħerqana kienu dawk li qalu li sejrin ‘mhux ħażin’ jew li qalu li n-negozju sejjer ħażin. Imma anke fost dawk li qalu li sejrin tajjeb, donnu kien hemm qbil ġenerali li minħabba li kien għad fadal tmint ijiem sa lejliet il-Milied (minn meta sar l-istħarriġ) il-Maltin iħallu għall-aħħar u jixtru r-rigali wara li jkunu ħallsu l-ispejjeż l-oħrajn. Il-fattur taż-żmien issemma 10 darbiet b’kollox.
Jum ir-Repubblika ma ġabx risq..il-Kunċizzjoni iva
Ilment rikorrenti kien dwar Jum ir-Repubblika. Fil-fatt dan tqajjem disa’ darbiet. Kien hemm qbil ġenerali li minħabba li ħabat il-Ħadd, it-13 ta’ Diċembru, li s-soltu hija festa fejn isir ħafna bejgħ, din is-sena kienet kwieta ħafna. Negozji differenti qalu li minkejja li f’dan il-jum is-soltu jsir bejgħ qawwi ħafna, din is-sena l-istess ġurnata kienet kwieta mmens. Saħansitra negozju partikolari qalilna li matul dan il-jum sar bejgħ ta’ oġġett wieħed biss.
Dan l-ilment kien mifrux madwar kull tip ta’ ħanut għalkemm f’33% tan-negozji li fihom issemma Jum ir-Repubblika dawk li tkellmu magħna qalu li nhar il-Kunċizzjoni, fit-8 ta’ Diċembru, in-negozju kien tajjeb.
Il-Parkeġġ/Trasport Pubbliku għadu problema
Minkejja li bħalissa il-kumpanija li toffri t-trasport pubbliku għaddejja b’bidliet, fosthom b’żidiet fir-rotot, u anke għadha kif ħabbret żieda ta’ madwar 7% fil-passiġġieri li użaw it-trasport pubbliku, xi negozji xorta ħassew li dan għadu xi ftit problematiku. Fil-fatt, it-trasport pubbliku u n-nuqqas ta’ parkeġġ issemmew 4 darbiet.
Minn biddel irraporta żieda
Mill-40 negozju, tlieta qalu lill-ILLUM mingħajr ma kienu mistoqsijin, li huma raw titjib fin-negozju tagħhom wara tibdiliet li għamlu. Fil-fatt f’dawn it-tliet negozji ssemmew servizzi jew kunċetti ġodda relatat mas-servizz ewlieni tal-ħanut kif ukoll bdil fil-menus tal-ikel li joffru, f’każi ta’ ħwienet tal-ikel.
In-negozji semmew ukoll il-Valletta Summit, u l-laqgħa taċ-CHOGM. Mit-tliet darbiet li ssemmew, dejjem isemma b’rabta ma’ nuqqas ta’ bejgħ. Fil-fatt dawk li l-ILLUM għamlet l-istħarriġ magħhom kollha qalu li sforz il-biża’ ta’ traffiku, il-volum tan-nies fil-Belt Valletta naqas.
L-atmosfera fil-Belt Valletta ssemmiet b’mod pożittiv tliet darbiet. Hawnhekk isemma t-tiżjin sabiħ fi Triq ir-Repubblika din is-sena u l-bidliet pożittivi li qed isiru bi preparazzjoni għal meta l-Belt issir Kapitali Ewropea tal-Kultura.
Finalment, u b’mod sorprendenti, il-kelma ‘sales’ isemmiet darba biss minn sid li qal li n-negozju tiegħu ma tantx sejjer tajjeb u li qal kif huwa probabbli li ħafna saru jistennew is-sales ta’ Jannar.