It-Trasport Pubblku: Jirrenja taħwid u tgergir kbir quddiem Mater Dei

75% qalu li bil-bidliet li saru s’issa, marru għall-agħar

“Taħwid u tgerfix”, “konfużjoni sħiħa”, “morna għall-agħar, u kif!”, “gravi”, “fejn se nistkennu?”, “la tasal l-elezzjoni nqatta’ l-vot.” Dawn kienu biss ftit mill-kummenti li l-ILLUM ġabret meta nhar il-Ġimgħa li għadda niżlet fil-vened ta’ quddiem l-Isptar Mater Dei u tal-Belt Valletta. Tant kienet evidenti r-rabja tal-passiġġieri preżenti ħdejn l-Isptar li ħafna nies, malli ndunaw li din il-gazzetta kienet qed tagħmel stħarriġ dwar l-aħħar bidliet fis-sistema, bdew jiġu huma stess jilmentaw b’dak li kienu qed jaraw bħala nuqqasijiet kbar.

L-ILLUM ħadet kampjun ta’ 100 passiġġier, 60 mill-venda ta’ quddiem l-Isptar Mater Dei u 40 oħra mill-venda tal-Belt Valletta. Lil dawn il-persuni, din il-gazzetta staqsiethom jekk wara l-bidliet fir-rotot iħossux li marru aħjar, baqgħu l-istess bħal qabel il-bidliet, jew inkella marrux għall-agħar. Lil dawk li rrispondew li marru għall-agħar, l-ILLUM staqsiethom biex jagħżlu raġuni għalfejn dan huwa l-każ. Huma kienu preżentati b’ħames ilmenti komuni, jiġifieri nuqqas ta’ puntwalità, stennija twila, rotot li tneħħew jew inbidlu, vjaġġi itwal u xufiera li ma jafux jikkomunikaw bil-Malti jew bl-Ingliż.

....tkompli f’paġna 4

Page 4: Caption: Il-venda ta’ quddiem Mater Dei fejn il-Ġimgħa filgħodu, il-garr u l-ilmenti kienu l-ordni tal-ġurnata

....tkompli minn paġna 1

75% qalu li bil-bidliet li saru s’issa, marru għall-agħar

Tlieta minn kull erba’ passiġġieri  jew 75% ta’ dawk kollha li rrispondew qalu lill-ILLUM li bil-bidliet li saru s’issa marru għall-agħar. Kienu biss 11%, l-maġġoranza tagħhom li kienu fil-venda tal-Belt Valletta li qalu li marru għall-aħjar. Il-kumplament, jew 14%, qalu lill-ILLUM li baqgħu fejn kienu.

Jirrenja taħwid u tgergir kbir quddiem Mater Dei

Malli l-ILLUM waslet fil-venda ta’ quddiem l-Isptar Mater Dei għall-ħabta tal-10:30 am u bdiet tistaqsi l-ewwel ftit nies, qam għagħa sħiħ hekk kif numru sostanzjali ta’ passiġġieri daru magħna u bdew jilmentaw dwar in-nuqqasijiet. Ir-risposta “morna ħafna għall-agħar” kienet kważi unanima minn dawk li kienu preżenti, bil-ħinijiet twal li qed ikollhom jistennew in-nies fuq l-istejġ ikun l-aktar ilment komuni. Fil-fatt, in-nuqqas ta’ puntwalità, ħinijiet twal ta’ stennija u/jew in-nuqqas ta’ informazzjoni dwar f’liema ħin se tgħaddi x-xarabank li qed jistennew, issemmiet 27 darba f’din il-venda.

Ħaddiem partikolari li qalilna li jgħix iż-Żejtun u li jaħdem Mater Dei spjega kif “indumu ġejjin siegħa, miż-Żejtun u nitilgħu San Luqa biex minn hemm ma jitla’ kważi ħadd, imbagħad imorru l-Park and Ride u ħafna tidwir u teatrini.” Anzjana li tgħix Raħal Ġdid u li kellha tmur l-Isptar minħabba viżta spjegat kif ftit jiem qabel, il-vjaġġ bejn Raħal Ġdid u Mater Dei, bil-ħin ta’ stennija b’kollox dam sagħtejn sħaħ.

Ilment ieħor kien ta’ passiġġier minn Wied il-Għajn li b’rabja evidenti spjega lill-ILLUM kif wara siegħa li jkun wasal fuq l-istejġ, “inkun għadni Wied il-Għajn. L-ewwel għamilt 30 minuta nistenna tal-linja ġejja, imbagħad wara li waslet, soqna sal-venda ta’ Wied il-Għajn u hemmhekk ix-xufier tefa’ x-xarabank. Qalilna li kellna nistennew 30 minuta oħra sakemm isir il-ħin biex ir-rotta titlaq mill-lokal.” Dan il-passiġġier temm jistaqsi jekk dan id-dewmien kollu jagħmilx sens.

Għalkemm l-ILLUM ma talbitx l-ismijiet mingħand il-persuni li kienet qed tistaqsi, ċerta Rita Vella mill-Mosta insistiet li din il-gazzetta ssemiha b’isimha meta tirreferi għall-ilment tagħha. Vella qalet hekk, “morna l-baħar b’dawn il-bidliet. Minn Santa Margerita fil-Mosta kienu jgħaddu żewġ xarabanks kull siegħa. Issa għandna l-47 li ddum iddur qabel tasal hawn u oħra bin-numru 260 li tgħaddi mill-Għargur qabel tmur Mater Dei u li rari tgħaddi. Biex niġi l-Isptar irrid naħseb siegħa qabel. Morna l-baħar.”

Ma’ din il-gazzetta ilmentat ukoll omm u bint li jgħixu Birkirkara u li spjegaw kif l-aħħar darba li kellhom jiġu Mater Dei qabel nhar il-Ġimgħa damu jistennew ix-xarabank 45 minuta. L-omm sostniet ma’ din il-gazzetta li “minn wara l-iskrivaniji mhu se jinbidel xejn.”

Fost it-tgergir u t-theddid bil-vot, xi persuni nstemgħu jagħmlu referenzi għall-intervista li għamel uffiċjal ogħli tal-Malta Public Transport fuq l-aħbarijiet tal-PBS u kummenti li għadda fis-sens li r-rottot il-ġodda se jindraw biż-żmien b’mara partikolari tgħid, irrabjata, “jarmi l-karozza u jiġi joqgħod jidra magħna jekk irid.”

Kumment pożittiv għaddietu mara Għawdxija li spjegat kif f’dak li għandu x’jaqsam mal-gżira oħt, ftit li xejn jidher li hemm problemi. “Ma nistax ngħid li f’Għawdex sejrin ħażin,” qalet din il-mara li kompliet tispjega kif ma jidhirx li qed ikollha problemi biex titlaq mill-isptar. Tliet persuni oħrajn qalu li ma rawx xi tibdiliet partikolari filwaqt li numru ta’ persuni oħrajn preżenti ma setgħux iwieġbu għax qalu li nhar il-Ġimgħa kienet l-ewwel darba li kienu qed jaqbdu tal-linja.

Iktar pożittivi dwar rotot fin-nofsinhar tal-pajjiż

Wara l-venda ta’ quddiem Mater Dei, l-ILLUM marret il-venda tal-Belt Valletta fejn kompliet l-istħarriġ. Hawnhekk, 67% jew 27 minn 40 pasiġġier li aċċettaw li jirrispondu l-mistoqsijiet tagħna qalu li marru għall-agħar. Għalkemm din hija ċifra għolja ħafna, xorta hija inqas minn dik ta’ quddiem l-Isptar.

Minn dawk il-persuni li din il-gazzetta kellmet u li kienu qed jistennew xarabank li teħodhom f’lokalità lejn in-naħat taż-Żurrieq, jidher li kien hemm inqas ilmenti. Minkejja dan, tliet nisa li kienu qed jistennew biex imorru Ħaż-Żabbar ħatfuna fil-kelma u ilmentaw bil-qawwa għall-fatt li minkejja li l-karozza numru 90 suppost tgħaddi kull kwarta, ix-xarabanks ġejjin minn Wied il-Għajn qed jgħaddu minn din il-lokalità pjuttost popolata kważi dejjem mimlijin.

Ilment komuni, kemm quddiem l-Isptar kif ukoll il-Belt kien dwar ir-rotot li jmorru għall-università b’raġel li jaħdem il-Belt Valletta jgħid li għal Tal-Qroqq, fejn jgħix, issa qed jgħaddu mal-waħda jew żewġ xarabanks biss, meta mqabbel man-numru kbir ta’ qabel. “Problema enormi din. Se nibda nuża l-karozza għax qed nasal tard ix-xogħol.” Żewġ żgħażagħ Għawdxin ilmentaw dwar il-mod kif inbidlet ir-rotta X1. 

Anke fl-Isla jidher li hemm problema b’żewġ persuni jilmentaw li fil-5:30am m’għadhiex titlaq xarabank minn din il-lokalità, bil-konsegwenza, spjegalna passiġġier mill-Isla, “li qed nasal tard għax-xogħol.” It-tnejn qalu li f’dak il-ħin ikollhom jimxu sa Bormla biex jaqbdu tal-linja.

Bla lqugħ fil-foss

Filwaqt li persuni li jaqbdu rotot lejn Birżebbuġa, Gudja u s-Siġġiewi kienu iktar pożittivi, b’mara mis-Siġġiewi tirrimarka kif ix-xarabanks issa qed jgħaddu aktar frekwenti, oħrajn wrew ir-rabja tagħhom f’dak li jikkonċerna postijiet fejn jistgħu jistkennu.

Fil-fatt, xi nies li kellimna fil-parti l-ġdida tal-venda tal-Belt, staqsew lill-ILLUM x’se jiġri ladarba jibda l-maltemp qawwi f’din il-parti tal-venda fejn l-unika sors ta’ lqugħ huma tined żgħar li taħthom ma jistgħux joqogħdu aktar minn 15-il persuna.

Ilmenti dwar xufiera

Imqabbel mas-sitwazzjoni qabel ma daħlet l-Arriva, l-ilmenti dwar xufiera kienu ftit u ssemmew sitt darbiet biss bejn iż-żewġ vened.

Żewġ nisa qalu tagħhom dwar dan, b’mara partikolari tgħid li nuqqas ta’ qbil bejnha u bejn xufiera mara baqa’ sejjer saħansitra sal-Qorti wara inċident fil-Mosta u mara oħra tgħid li ġiet mgħajra “żibla” mix-xufier, wara li dan skont ma qalet, ma waqqafhiex fl-istejġ li xtaqet 

More in Kronaka