Gonzi jitlef libell kontra editorjal fl-Orizzont intitolat 'Giddieb bil-provi'

Il-Qorti qalet li il-kumment tal-editur għandu jitqies bħala wieħed aċċettabbli fis-soċjetà demokratika Maltija.

L-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi tilef kawża ta' libell li fetaħ kontra l-ġurnal L-ORIZZONT wara li ħassu malafamat b'editorjal intitolat “Giddieb bil-provi”. Il-Qorti qalet li għalkemm il-kelma “giddieb” tista' tinstema' ħarxa, il-kumment tal-editur għandu jitqies bħala wieħed aċċettabbli fis-soċjetà demokratika Maltija.

Il-kawża saret wara li fil-ħarġa ta' L-ORIZZONT tal-15 ta' Novembru 2010 ġie ppubblikat l-editorjal imsemmi dwar il-fatt li l-mexxej Laburista Joseph Muscat, fil-programm Xarabank ftit jiem qabel, kien għajjar lil Lawrence Gonzi giddieb. Il-Qorti qalet li l-editorjal jista' jiġi faċilment deskritt bħala kritika politika fil-konfront ta' Gonzi u li kien ibbażat fuq diversi allegazzjonijiet ta' gideb min-naħa ta' Gonzi.

Il-qorti qalet li għalkemm il-kelma “giddieb” tista' b'xi mod tinstema' ħarxa fil-konfront ta' persuna, peress li l-fatti jirriżultaw sostanzjalment veri u, aktar u aktar, fid-dawl tal-fatt li Lawrence Gonzi huwa persuna politika soġġetta għal livell għoli ta' kritika, il-kumment tal-editur għandu jitqies bħala wieħed aċċettabbli fis-soċjetà demokratika Maltija. Il-Qorti qalet li ċertament il-kumment mhux malafamanti u libelluż, u dan għaliex kien kumment li kien jirrifletti l-ħsibijiet tal-editur ibbażati fuq fatti li huwa kien ikkonstata u li dwarhom ħass li kellu jikkummenta f'dak is-sens.

More in Kronaka