34 persuna taħt l-età fi Plus One fil-ħin tal-inċident

L-istorja kollha: Hugo Chetcuti u Frankie Grima fost dawk suġġeriti biex jitressqu l-Qorti

 

Kien hemm minn tal-inqas 34 persuna taħt is-17-il sena fil-ħin tal-inċident f’Paceville fl-istabbiliment PlusOne, lura f’Novembru. Dan kien wieħed min-nuqqasijiet li identifika r-rapport ta’ inkjesta mħejji mill-Maġistrat Doreen Clarke u mogħti lill-membri tal-midja lbieraħ. Il-maġġoranza ta’ dwan iż-żgħażagħ daħlu mingħajr ma ntalbu juru karta tal-identità. Uħud minnhom anke kkunsmaw alkoħol mibjugħ minn PlusOne stess. Barra minn hekk, kien hemm ukoll diversi persuni li kienu qed ipejpu, inkluż il-gwardjan tas-sigurtà Bojan Spasic innifsu. L-inkjesta sabet li wħud mill-persuni li kienu xogħol fi PlusOne ma kinux reġistrati bħala impjegati tal-kumpanija Three Sixty Ltd mal-ETC.

Aktar minn hekk, il-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici qal lill-ILLUM li mir-rapport ta’ inkjesta dwar l-inċident li seħħ fl-istabbiliment, jidher li l-Bord ta’ Sigurtà f’Paceville approva l-istess stabbiliment minkejja li lanqas biss kienet saret spezzjoni.

Ir-rapport ta’ inkjesta, jidentifika diversi nuqqasijiet fis-sigurtà tal-istabbiliment li żiedu l-konsegwenzi ta’ dan l-inċident. Fost dawn hemm il-fatt li l-ebda bieb tal-istabbiliment PlusOne ma kien jilħaq l-istandards biex jikkwalifika bħala bieb t’emerġenza. Apparti dan, mal-faċċata tal-istabbiliment ma kienx hemm imwaħħla plakka li tindika kemm jistgħu joqogħdu nies fih bir-rapport jikkonkludi li minkejja li PlusOne kellu kapaċità ta’ madwar 200 ruħ, fil-ħin tal-inċident kien hemm iktar minn 450.  

Intant l-inkjesta ssuġġeriet li jitressqu l-Qorti d-diretturi tal-kumpanija Three Sixty Ltd speċifikament Hugo Chetcuti, Frankie Grima, Raymond Grima u Carlos Schembri għal diversi reati.

Frankie Grima
Frankie Grima

Apparti dawn, l-inkjesta tissuġġerixxi li Jonathan Grima u Mark Azzopardi, maniġers ta’ PlusOne, Stephen Ciangura, id-direttur tal-Kumpanija Executive Security Services Ltd, Bojan Spasic, li kien gwardjan tas-sigurtà fi PlusOne, Andrè Bugeja u Zach Latif jitressqu l-Qorti fuq akkużi relatati mal-inċident ta’ natura involontarja.

Bugeja u Latif kellhom argument ma’ persuna barranija fejn Latif uża sprej tal-bżar li beda l-inċident kollu.

Hugo Chetcuti, Francis Grima, Raymond Grima, Carlos Schembri u Jonathan Grima għandhom jitressqu fuq nuqqas ta’ tħaris tas-saħħa u sigurtà; għal nuqqas li ssir evalwazzjoni xierqa, suffiċċjenti u sistematika tal-periklu għas-saħħa u s-sigurtà; għan-nuqqas ta’ tħaris tar-regolamenti dwar rotot ta’ emerġenza, bibien ta’ emerġenza u pjanijiet ta’ evakwazzjoni; u għal żamma u tmexxija ta’ stabbiliment li jipprovdi l-ikel mingħajr liċenzja. Grima u Carlos Schembri, li fuq ismu hija l-liċenzja tal-istabbiliment, għandhom jitressqu għal nuqqas ta’ tħaris tal-istandards speċifikati f’numru ta’ skedi ta’ avviżi legali.

Skont l-inkjesta, Hugo Chetcuti, Frankie Grima, Raymond Grima u Carlos Schembri għandhom jitressqu wkoll rigward trasferiment ta’ liċenzja mingħajr il-permess bil-miktub tal-Awtorità tat-Turiżmu. Flimkien ma’ dawn l-erbgħa, Jonathan Grima u Mark Azzopardi jistgħu jitressqu wkoll talli tfal taħt l-età tħallew jidħlu f’post ta’ divertiment, għall-bejgħ ta’ sigaretti permezz ta’ magna awtomatika meta dik il-magna ma kinitx taħt superviżjoni, u li ppermettew tipjip f’post magħluq. Dawn is-sitta u l-bar tenders Clayton Camilleri u Vanessa Farrugia għandhom jiġu mressqin għall-bejgħ jew fornitura ta’ alkoħol lill-minuri filwaqt li  numru ta’ minuri jiġu mressqa għall-konsum ta’ alkoħol.

Hugo Chetcuti
Hugo Chetcuti

 Spasic jista’ jitressaq ukoll għal tipjip f’post magħluq, u Latif għall-akkwist u pussess illegali ta’ sprej tal-bżar u għal offiża ħafifa fuq il-persuna ta’ dawk li sofrew mill-effetti ta’ dan l-isprej.

Id-diretturi tal-kumpanija Three Sixty Ltd u tal-kumpanija Executive Security Services Ltd. għandhom jitressqu wkoll għall-impjieg, tħaddim jew użu ta’ servizzi ta’ gwardjani privati li ma kellhomx liċenzja. Filwaqt li d-diretturi tal-Executive Security Services Ltd għandhom jitressqu wkoll talli pprovdew dan il-gwardjan privat.

Dwar ir-rotot u l-ħruġ ta’ emerġenza, l-espert forensiku Alfred Vella qal li, “ċarament, bieb li jieħu minn post magħluq mimli nies għal ieħor li hu normalment mistenni li jkun ukoll bin-nies, ma jistax jiġi konċepit la bħala exit u wisq inqas bħala exit discharge.”

L-inċident tal-PlusOne beda b’tilwima bejn żewġ żgħażagħ

 L-inċident beda meta żewġt iħbieb żgħażagħ, Andrè Bugeja u Zach Latif, kellhom tilwima ma’ żagħżugħ barrani li baqa’ ma kienx identifikat. Biex jiddefendi lil sieħbu, Latif uża sprej tal-bżar. L-isprej inxtered mal-istabbiliment u l-effetti tiegħu bdew jinħassu minn diversi persuni. Bojan Spasic ra li dawn in-nies kien qed iħosshom ħażin u ħa d-deċiżjoni, mingħajr ma kkonsulta ma ħadd, li jkeċċi n-nies ’il barra mill-istabbiliment. Il-maġġoranza tan-nies bdew ħerġin mill-bieb ta’ quddiem li jagħti għat-triq. It-taraġ li jagħti għal dan il-bieb kien iffullat bin-nies fi stat ta’ paniku, u wħud minn dawn waqgħu u tgerbu ’l isfel b’konsegwenza li akkumulat massa ta’ nies fil-parti t’isfel tat-taraġ. Il-gwardjani tas-sigurtà li kienu barra, ippruvaw iwaqqfu lin-nies milli joħorġu, u dan wassal biex folla kbira ta’ nies spiċċaw fit-taraġ u fl-entratura u eżerċitaw pressjoni qawwija fuq il-poġġaman u l-ħġieġ tal-poġġaman. Il-ħġieġ infaqa’ u l-poġġaman ċeda b’riżultat li dik il-massa ta’ nies spiċċat mingħajr ilqugħ u waqgħet għal isfel. Bosta nies weġġgħu, uħud minnhom b’mod serju.

Il-Ministru Bonnici qal li din kienet biss it-tieni darba fl-istorja ta’ Malta li rapport ta’ inkjesta mill-Qorti sar pubbliku. L-ewwel wieħed kien dak dwar il-mewt ta’ Nicholas Azzopardi f’idejn il-Pulizija fl-2008. Bonnici qal li dan ir-rapport tlesta f’inqas minn xahrejn u dan juri l-attentati li qed isiru biex jiġu spediti proċeduri tal-operat tal-ġustizzja.

 

 

More in Kronaka