Matul il-lejl li għadda, għall-habta tas-00:45, il-Pulizija ġew infurmati li kien għadu kemm seħħ inċident tat-traffiku fi Triq Dun Gejtanu Mannarino, Birkirkara.
Il-Pulizija tad-Distrett marru minnufih fuq il-post u minn stħarriġ preliminari rriżulta li għal xi raġuni kien seħħ impatt bejn minibus tat-tip Ford Transit u vettura oħra tat-tip Volkswagen Polo.
Konsegwentement, il-minibus ħabat ukoll ma’ ħajt ta’ showroom li hemm fl-istess triq. Numru ta’ ambulanzi waslu fuq il-post minħabba li s-sewwieq tal-minibus u seba’ passiġġiera li kienu miegħu sfaw feruti. Ix-xufier li għandu 56 sena, residenti San Ġwann ġie ċċertifikat li qiegħed isofri minn ġrieħi ħfief.
Erbgħa mill-passiġġiera qegħdin isofru minn ġrieħi gravi filwaqt li tlieta l-oħra għandhom ġrieħi ħfief. Minkejja dan, ħadd minn dawn il-persuni ma jinsab fil-periklu tal-mewt.
Jidher li hekk kif seħħet il-ħabta, ix-xufier li kien qed isuq il-Volkswagen Polo telaq minn fuq il-post u għalhekk għadu ma ġiex identifikat.
Bil-każ ġie infurmat il-Maġistrat tal-Għassa li ħatar diversi esperti sabiex jassistuh fl-inkjesta li ġiet appuntata.