Ammont sostanzjali ta’ flus kontanti nsterqu minn banka tal-lottu lbieraħ filgħaxija, għall-ħabta tal-11:30pm, fi Triq ix-Xatt, Pietà.
Minn investigazzjonijiet preliminari jirriżulta li dak il-ħin allegatament kien hemm żewġt irġiel, wieħed ta’ sitta u tletin sena u ieħor ta’ tlieta u għoxrin sena, qed jinstallaw kameras tas-siġurtà fil-preżenza ta’ sid il-banka, li għandu erbgħa u tletin sena.
F’daqqa waħda daħlet persuna mgħammda li ppuntat pistola lejn is-sid, li joqgħod is-Swieqi, u talbitu l-flus. Hekk kif dan tal-aħħar tah dak li ried, il-ħalliel minnufih ħarab minn fuq il-post.
Il-każ qed jiġi investigat mid-Dipartiment tal-Investigazzjoni Kriminali u l-Pulizija tad-Distrett ta’ tas-Sliema kif ukoll inħatru diversi esperti biex jassistu f’Inkjesta Maġisterjali.