Argument jaħraq f'dar f'Ħal Tarxien iwassal għal attakk fuq Surġent

Erba’ persuni kienu arrestati wara argument li seħħ għall-ħabta tas-siegħa ta’ wara nofsinhar  fi Triq San Ġużepp, Ħal Tarxien. Involuti fl-argument kienu familja ta’ nazzjonalità Sirjana, raġel ta’ sebgħa u erbgħin sena, mara t’erbgħin sena u t-tifel taghhom ta’ dsatax-il sena, u raġel ta’ wieħed u erbgħin sena residenti Bormla.

Minn stħarriġ preliminari jirriżulta li l-argument kien riżultat ta’ kawża ċivili li nstemgħet dalgħodu l-qorti, bejn din il-familja u missier ir-raġel minn Bormla. Huwa mifhum li x’ħin waslu r-Rapid Intervention Unit fuq ix-xena u daħlu fir-residenza, fejn kien qiegħed isehh l-argument, sabiex iferrqu lil dawk involuti, ġew aggrediti mill-familja. Kien hawnhekk li indarab Surġent u tkisser in-nuċċali ta’ Kuntistabbli ieħor li kien qieghed jassistih waqt l-arresti.

Dawk sussegwentament ittieħdu l-Għassa ta’ Raħal Ġdid għal aktar stħarriġ mill-Pulizija tad-Distrett.

Kemm ir-raġel minn Bormla kif ukoll is-Surġent involut fil-każ ġew iċċertifikati li qed isofru minn ġriehi ta’ natura ħafifa.

 

 

 

More in Kronaka