Il-Knisja ħarġet kontra l-pjanijiet tal-Gvern li jikkriminalizza t-terapiji ta' konverżjoni għal nies LGBT+ u wissiet li dan jafferma "l-istatus legali superjuri tal-omosesswali fuq l-eterosesswali". F'position paper li għadha kif ġiet pubblikata, il-Knisja qalet li f'analiżi li għamlu tal-proviżjonijiet tal-Abbozz ta’ Liġi turi li fil-prattika kulħadd se jiġi ostakolat minn aċċess liberu għal gwida, parir u kull għajnuna terapewtika professjonali li jistgħu jkunu meqjusa u meħtieġa b’rabta mal-orjentazzjoni sesswali, l-identità tal-ġeneru u l-espressjoni tal-ġeneru ta’ dak li jkun.
Il-Knisja qalet li l-Liġi proposta dwar l-affermazzjoni tal-orjentazzjoni sesswali, l-identità tal-ġeneru u l-espressjoni tal-ġeneru tqajjem għadd ta’ kwistjonijiet serji etiċi u legali. Minflok jinkuraġġixxi ‘kultura ta’ dinjità’ għal kull ċittadin, irrispettivament mill-orjentazzjoni sesswali jew l-identità jew l-espressjoni tal-ġeneru tiegħu, biex jgħix f’kultura inklussiva ta’ rikonoxximent bejn bniedem u ieħor, l-Abbozz ta’ Liġi jippromovi d-diskriminazzjoni, in-nuqqas ta’ rispett lejn l-awtonomija personali u n-nuqqas ta’ fiduċja fil-kontabbiltà tal-professjonisti.