[Filmati Live] Malti fost il-feruti fl-isplużjonijiet fl-attakk fuq Brussell
Xi nies ġew irrappurtati mejta waqt li oħrajn feruti fi splużjonijiet fl-ajruport u stazzjon tal-metro fi Brussell
More in Kronaka
Xi nies ġew irrappurtati mejta waqt li oħrajn feruti fi splużjonijiet fl-ajruport u stazzjon tal-metro fi Brussell
Żewġ splużjonijiet fiż-żona tat-tluq fl-ajruport ta' Zaventem fi Brussell ħallew xi persuni mejta u oħrajn midruba. Irrappurtata wkoll splużjoni oħra fl-istazzjon tal-metro ta' Maelbeek. Waqt l-isplużjonijiet fl-ajruport, kien hemm xi Maltin ukoll preżenti, fejn sorsi qalu li persuna minnhom indarbet.
Wounded person is #Malta PermRep employee who was at airport with pregnant wife. He is conscious and we are in constant contact with them-JM
— Joseph Muscat (@JosephMuscat_JM) March 22, 2016
Il-Prim Ministru, fi tweet qal li l-Malti midrub huwa impjegat tar-rappreżentanza Permanenti għal Malta. Kien jinsab l-ajruport flimkien mal-mara tiegħu li hi tqila. Il-Malti huwa f'sensih u l-awtoritajiet Maltin jinsabu f'kuntatt kontinwu miegħu.
Rapporti qed jgħidu li l-isplużjonijiet tal-ajruport kienu bombi suwiċidji, waqt li l-ajruport qed jiġi evakwat u ngħalaq għat-tijiriet. Dawn l-isplużjonijiet seħħew ftit tal-ħin ilu, iktar kmieni dalgħodu. Il-linji tal-metro wkoll huma magħluqa, waqt li l-Ministru Belġjan għall-Intern qal li l-livell ta' allarm fil-pajjiż huwa wieħed massimu.
L-istazzjon tal-Metro hi waħda fiċ-ċentru tal-belt u hi qrib ħafna tal-istituzzjoniijiet tal-Unjoni Ewropea. Dan il-filmat tas-CCTV juri l-mument tal-isplużjoni fl-ajruport.
🆘‼Unconfirmed: CCTV Video of the explosion in the #Malbeek subway from #Brussels. pic.twitter.com/OjWVRyNHyk
— Onlinemagazin (@OnlineMagazin) March 22, 2016
It-taqsima tal-protezzjoni ċivili Belġjana kkonfermat li kien hemm xi persuni mejta waqt li oħrajn weġġgħu f'dawn l-isplużjonijiet. Rapporti qed jgħidu li l-persuni mejta fl-isplużjoni tal-ajruport huma iktar minn 13, waqt li l-midruba jlaħħqu l-35. Dan waqt li fl-istazzjon tal-metro, il-vittmi li mietu jammontaw għal madwar 15, waqt li 55 oħra huma midruba, b'10 minnhom ikunu b'mod gravi.
Dawn l-isplużjonijiet ġew wara li erbat ijiem ilu nqabad Salah Abdeslam fi Brussell, li kien is-suspettat prinċipali tal-attakki ta' Pariġi f'Novembru li għadda.
Ritratti fuq il-mezzi soċjali wrew duħħan ħiereġ mill-bini tal-ajruport waqt li rapporti qalu li fl-ajruport kien hemm sitwazzjoni ta' paniku, waqt li n-nies bdew jgħaġġlu jaħarbu mill-ajruport.
Fid-dawl ta' dan kollu, bosta ajruporti madwar l-Ewropa qed iżidu l-livell tas-sigurtà tagħhom, partikolarament dak ta' Pariġi.
Dawk il-persuni fi Brussell, l-ambaxxata Maltija tista' tiġi milħuqa fuq +32 (0)2 238 36 08 jew +32 2 343 01 95. Jew inkella 22042604 jekk it-telefonata qed issir minn Malta.