Minn rapporti fil-mezzi tax-xandir Belġjan, inqabad Najim Laachraoui, li huwa s-suspettat li kien wieħed mill-imħuħ wara l-isplużjonijiet fi Brussell. Iż-żagħżugħ, li għandu 25 sena ġie arrestat fid-distrett ta' Anderlecht.
Najim Laachraoui intqal li huwa t-tielet raġel li deher fil-filmati tas-CCTV, flimkien mat-tnejn l-oħra li huma aħwa: Khalid u Ibrahim El Bakraoui, li t-tnejn li huma qatlu lilhom infushom fl-isplużjoni, minħabba li ġie rrappurtat li dawn kienu bombi suwiċidi.
Minn tal-inqas, 14-il persuna mietu f'dawn iż-żewġ splużjonijiet fin-naħa tat-tluq, fl-ajruport ta' Brussell. Jingħad li l-bomba ta' Laachraoui ma ħaditx, u għalhekk hu ħarab minn fuq il-post.
Laachraoui, li qabel kien magħruf bħala Soufiane Kayal, huwa wkoll suspettat li għamel il-bombi li ntużaw fl-attiki f'Pariġi. Dan wara li d-DNA tiegħu kienet instabet fuq żintorini bl-isplussiv li ġew użati fit-Teatru Bataclan u l-istadium, Stade de France.