F’żewġ inċidenti separati, żewġ persuni spiċċaw sofrew xi ġrieħi, wieħed minnhom ġrieħi gravi. Sewwieq ta’ mutur u mara ndarbu f’żewġ inċidenti tat-traffiku li fihom il-partijiet l-oħra x’aktarx saqu minn fuq ix-xena lbieraħ filgħaxija.
L-ewwel inċident seħħ għall-ħabta 21:15 waqt li raġel t’erbgħin sena minn Raħal Ġdid kien qiegħed isuq Kawasaki ZR 750 fi Triq San Anard, Ħal Tarxien, fid-direzzjoni lejn Ħaż-Żabbar.
Kien hawnhekk li x’aktarx intlaqat minn vettura, tilef il-kontroll tal-mutur u waqa’. Hu sussegwentament ittieħed b’ambulanza l-Isptar Mater Dei, fejn kien iċċertifikat li sofra minn ġrieħi gravi.
Aktar tard, għall-ħabta tal-22:45, mara t’erbgħa u erbgħin sena minn Ħal Qormi allegatament intlaqtet minn vettura fi Triq it-Turisti, San Pawl il-Baħar. Hi ttieħdet l-isptar b’ambulanza, fejn kienet iċċertifikata li sofriet ġrieħi ħfief.
L-investigazzjonijiet f’dawn il-każijiet qed jitmexxew mill-Pulizija tad-Distrett taż-Żejtun u l-Qawra rispettivament.
Kull min għandu xi informazzjoni li tista’ tgħin fl-investigazzjonijiet huwa mħeġġeġ jgħaddiha lill-pulizija, anke b’mod kunfidenzjali.