Żewġ żgħażagħ, it-tnejn minn Ħaż-Żabbar indarbu f'inċident tat-traffiku iktar kmieni dalgħodu, għall-ħabta tal-5:10am. L-inċident seħħ fi Triq San Anard, Ħal Tarxien.
Il-Pulizija marret minnufih fuq il-post u minn stħarriġ preliminari rriżulta li għal xi raġuni kienet seħħet ħabta head-on bejn żewġ vetturi tat-tip Ford Escort u Mitsubishi L200.
Il-vettura tat-tip Ford Escort kienet qiegħda tinstaq fid-direzzjoni lejn Ħaż-Żabbar minn żagħżugħ ta’ 19-il sena residenti Ħaż-Żabbar stess filwaqt li l-vettura l-oħra kienet qiegħda tinstaq fid-direzzjoni opposta minn ġuvni ta’ 26 sena li wkoll joqgħod Ħaż-Żabbar.
Fuq il-post issejħu l-membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili sabiex jagħtu l-assistenza neċessarja. Iż-żewġ sewwieqa ttieħdu l-Isptar Mater Dei permezz ta’ ambulanza fejn ftit wara ż-żagħżugħ ta’ 19-il sena ġie ċċertifikat li qiegħed fil-periklu tal-mewt. Il-ġuvni ta' 26 sena ġarrab ġrieħi ħfief fl-inċident.
Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Dr J Demicoli LL.D li ħatret diversi esperti sabiex jassistuha fl-inkjesta li ġiet appuntata.
Bħalissa t-triq imsemmija tinsab magħluqa għat-traffiku filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.