Raġel fil-periklu tal-mewt wara li sfronda saqaf bih

Raġel ta' 24 sena mill-Mali nstab mixħut mal-art minn xi ħaddiema

Raġel jinsab f'qagħda kritika wara li iktar kmieni dalgħodu, għall-ħabta tat-8:30 saqaf ta' residenza privata li qed isir xi xogħol fuqha, għal xi raġuni sfronda.

L-inċident seħħ f'dar privata fi sqaq fi Triq Castro fin-Naxxar, fejn mill-ewwel stħarriġ tal-Pulizija rriżulta li raġel mill-Mali li għandu 24 sena, weġġa’ waqt li kien qed jaħdem ġewwa r-residenza li tinsab taħt kostruzzjoni.  Jidher li r-raġel kien qiegħed juża' jigger meta għal xi raġuni, sfronda s-saqaf bih u waqa’.  Huwa nstab mixħut fl-art minn xi ħaddiema. 

Fuq il-post issejħet ambulanza li ħadet lir-raġel l-Isptar Mater Dei għall-kura.  Iktar tard huwa ġie ċċertifikat li jinsab fil-periklu li jitlef ħajtu. 

Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa  li ordnat li ssir inkjesta u ħatret diversi esperti sabiex jassistuha. 

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.

More in Kronaka