Mara ta’ 77 sena titlef ħajjitha f’inċident tat-traffiku il-bieraħ filgħaxija wara li nqalbet il-karozza li kienet passiġġiera fiha, u nqabdet fiha, bil-konsegwenza li tilfet ħajjitha.
Ilbieraħ għall-ħabta 21:55, il-Pulizija ġiet infurmata li kienet għadha kemm inqalbet vettura fi Triq Ħaż-Żabbar, il-Fgura.
Il-Pulizija tad-Distrett marru minnufih fuq il-post fejn sabu vettura tat-tip Toyota Rav4 maqluba fuq ġenb u vettura oħra tat-tip Renault Megane li kienet maħbuta fil-ġenb tat-triq.
Minn investigazzjonijiet preliminari li saru jidher li s-sewwieq tat-Toyota li għandu 79 sena, residenti Marsaskala għal xi raġuni tilef il-kontroll u kellu impatt mar-Renault li f’dak il-ħin kienet wieqfa.
Kawża tal-impatt it-Toyota Rav4 inqalbet bil-konsegwenza likemm ix-xufier u l-passiġġiera sfaw maqbuda fiha.
Fuq il-post issejħu l-Membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u tim mediku li għenu sabiex setgħu jinħarġu ż-żewġ persuni minn ġol-vettura.
Sfortunatament, il-passiġġiera li kienet mara ta’ 77 sena, ukoll residenti Marsaskala ġiet iċċertifikata mejta fuq il-post filwaqt li x-xufier ittieħed l-Isptar Mater Dei minħabba li kien qed isofri minn xokk qawwi. Is-sewwieq tar-Renault Megane li għandu 43 sena residenti n-Naxxar u l-passiġġiera tiegħu ma sofrew l-ebda ġrieħi.
Bil-każ ġie nfurmat il-Maġistrat tal-Għassa li ordna li ssir inkjesta u ħatar diversi esperti sabiex jassistuh filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan il-każ għadhom għaddejjin.