Raġel fil-periklu tal-mewt wara serqa fl-Armier

Raġel u mara l-isptar wara li ndarbu b'arma li taqta', wara serqa fil-kmamar tal-Armier

Raġel ta’ 55 sena jinsab fil-periklu li jitlef ħajtu wara li x’aktarx qala’ numru ta’ daqqiet t’arma li taqta’, wara allegata serqa f'waħda mill-kmamar li jinstabu fl-Armier.

Għall-ħabta tal-22:10 tal-bieraħ filgħaxija, il-Pulizija tad-Distrett tal-Mellieħa ntalbu jirrikorru ġo boathouse fil-Bajja tal-Armier wara rapport li ndarbu xi nies waqt serqa.

Hemmhekk, sabu lil membri tar-Rapid Intervention Unit jassistu lir-raġel, li nstab mal-art f’ammont sostanzjali ta’ demm. Għalhekk, minnufih intalbet l-assistenza ta’ tim mediku li ħa lill-vittma, li jgħix San Ġwann, l-Isptar Mater Dei, fejn sussegwentament kien iċċertifikat li jinsab f’qagħda kritika

Ittieħdet l-isptar ukoll mara ta' 34 sena li toqgħod is-Swieqi u li allegatament sfat vittma tal-istess inċident meta intrabtet mill-istess aggressuri. Hija kienet sussegwentament iċċertifikata li sofriet ġrieħi ħfief.

Għalkemm l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin, ġie allegat li l-aggressuri, li minn stħarriġ preliminari jirriżulta li kienu madwar tlieta u mgħammda, serqu l-karozza tar-raġel fejn aktar tard din instabet fl-Aħrax tal-Mellieħa.

Bil-każ ġie nfurmat il-Maġistrat tal-Għassa, li ħatar diversi esperti biex jassistuh f’inkjesta maġisterjali. Sadanittant, id-Dipartiment tal-Investigazzjoni Kriminali u l-Pulizija tad-Distrett qegħdin jinvestigaw il-każ.

More in Kronaka