Mara ssofri ġrieħi gravi wara nirien fl-Isla

Il-missier ta' 84 sena nħareġ mill-bini wara li saqqu ħa n-nar

 Ritratt John Pisani - Arkivji
Ritratt John Pisani - Arkivji

Ilbieraħ filgħaxija, għall-ħabta tal-21:45, anzjan ta' 84 sena mill-Isla ġie maħruġ minn bini fl-Isla stess li kien inħakem min-nirien. Bint l-anzjan ta' 49 sena li wkoll kienet fil-bini, u waqt li rnexxielha toħroġ mill-bini mingħajr il-bżonn ta' għajnuna, hi sofriet ġrieħi ta' natura gravi minħabba n-nirien u ttieħdet l-isptar permezz ta' ambulanza.

Il-każ seħħ fi Triq San Pietru u San Pawl, l-Isla, fejn minn stħarriġ preliminari jirriżulta li r-raġel inqabad fis-sular ta’ fuq tar-residenza tiegħu

wara li kien ħa n-nar saqqu. Kif ra li ma setax joħroġ, ħareġ fil-gallarija jgħajjat għall-għajnuna u numru ta’ ġirien minnufih ippruvaw jassistuh sakemm waslu r-Rapid Intervention Unit li eventwalment niżlu lir-raġel bl-għajnuna tal-istess ġirien.

Sadattant, it-tifla tiegħu rnexxielha toħroġ mid-dar waħidha. Madankollu, filwaqt li tim mediku kkonkluda li l-missier ma kien sofra ebda ġrieħi, il-bint ittieħdet l-Isptar Mater Dei minħabba ħruq f’diversi partijiet ta’ ġisimha. Hemmhekk, hi kienet iċċertifikata li sofriet ġrieħi ta’ natura gravi.

In-nirien intfew mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, u l-investigazzjonijiet qed jitmexxew mill-Pulizija tad-Distrett.

More in Kronaka