Ħareġ għalih b'ħadida wara li weġġa' lil missieru f'argument f'Ħaż-Żebbuġ

Raġel isofri ġrieħi gravi wara argument bejn ġirien

Raġel ta' 65 residenti Ħaż-Żebbuġ, ittieħed l-Isptar Mater Dei fejn ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi gravi, iżda mhux fil-periklu li jitlef ħajtu wara li iktar kmieni dalgħodu, kien involut f'argument f'Ħaż-Żebbuġ stess.

Jirriżulta li dalgħodu għall-ħabta tad-08:45, il-Pulizija ssejħet fi Triq il-Kandlora, Ħaż-Żebbuġ minħabba li seħħ argument bejn żewġt irġiel li huma ġirien. Minkejja dan, meta l-Pulizija tad-Distrett marru fuq il-post, sabu li s-sitwazzjoni f’dak il-ħin kienet kalma.

Minn investigazzjoni preliminari li saret irriżulta li għal xi raġuni żewġt irġiel li huma ġirien ġew fl-idejn wara li qam argument bejniethom. Jidher li wieħed mill-irġiel li għandu 65 sena sofra xi ġrieħi u kif ra hekk, ibnu ta’ 31 sena li kien ġewwa, ħareġ barra b’ħadida f’idu.

Sussegwentement ir-raġel l-ieħor li għandu 51 sena u li kien involut fl-argument daħal fir-residenza tiegħu u allegatament reġa’ ħareġ barra b’arma tan-nar ippuntatha lejhom.

Permezz tal-intervent f’waqtu ta’ Surġent tal-Pulizija stazzjonat ir-Rapid Intervention Unit li f’dak il-ħin ma kienx xogħol, is-sitwazzjoni kkalmat ruħha.

Fuq il-post issejħet ambulanza li ħadet lir-raġel ta’ 65 sena l-Isptar Mater Dei għall-kura. Iktar tard huwa ġie ċċertifikat li sofra ġrieħi gravi iżda mhux fil-periklu tal-mewt. Filwaqt li l-persuni l-oħra ma sofrew l-ebda ġrieħi.

Kemm ir-raġel ta’ 65 sena u l-ieħor ta’ 51 ġew arrestati mill-Pulizija u qed jinżammu għall-iktar stħarriġ. L-investigazzjoni tal-Pulizija għadha għaddejja.

More in Kronaka