Inċident tat-traffiku li seħħ iktar kmieni wara nofsinhar, għall-ħabta tas-2:45 ħalla ċiklist ta' 51 sena mejjet.
L-inċident seħħ fi Triq San Pawl tal-Qlejgħa fil-Mosta, li għal xi ħin kienet magħluqa għat-traffiku.
Meta l-Pulizija marru fuq il-post, investigazzjonijiet preliminari rriżultaw li raġel ta’ 50 sena imwieled l-Awstralja u residenti l-Mosta kien għadu kif intlaqat minn vettura tat-tip Toyota Vitz misjuqa minn raġel ta’ 29 sena residenti Ħaż-Żebbuġ. Il-vettura kienet qed tiġi misjuqa direzzjoni mill-Imġarr lejn iċ-ċentru tal-Mosta.
Tim mediku mill-Isptar Mater Dei kien fuq il-post sabiex jassisti lill-vittma għall-ġrieħi serji li sofra. Sfortunatament ir-raġel ġie ċċertifikat li tilef ħajtu minn tabib li kien għaddej mill-post fejn seħħ l-inċident.
Bil-każ ġie infurmat il-Maġistrat tal-Għassa li ħatar diversi esperti sabiex jassistuh fl-inkjesta li ġiet appuntata.
L-investigazzjoni tal-Pulizija mid-Distrett tal-Mosta għadha għaddejja.