Il-Kolombjan ta' 37 sena li tilef ħajtu xi jiem wara li ġie attakkat f'argument f'Paceville, inqatel wara li "ddefenda mara." Il-gazzetta Times of Malta rrappurtat kif Carlos Augusto, il-Kolombjan li kien qiegħed Malta sabiex jitgħallem l-Ingliż, laqqat daqqa ta' tazza f'rasu, u imbagħad iktar daqqiet ta' ponn f'rasu.
Minn dak li qalet lill-Pulizija mara barranija, Augusto ġie attakkat miż-żewġ Libjani wara li qalilhom biex iħalluha bi kwietha. Mill-filmati tas-CCTV, deher kif Augusto beda jiġi aggredit u msawwat bil-ponn ripetutament fi klabb f'Paceville, qabel ma bouncer keċċihom 'il barra, fejn kompla l-argument.
Carlos Augusto, għaldaqstant, ittieħed l-Isptar Mater Dei minħabba l-ammont kbir ta' demm li kien tilef, fejn tilef ħajtu tlett ijiem wara. L-awtopsja li saret fuq il-vittma kienet inkonklussiva, skont il-Pulizija, u għaldaqstant kienu jinħtieġu iktar testijiet.
Iż-żewġ Libjani mfittixija mill-Pulizija nstabu lbieraħ wara nofsinhar f'appartament fi Triq Wileġ, li minn San Lawrenz tagħti għall-Għarb, wara telefonati ta' xi residenti li nnutaw aġir suspettuż. Meta l-Pulizija marret fuq il-post, sabet lil-Libjani mistoħbija fil-gwardarobba flimkien ma' ammonti ta' cannabis u oġġetti oħra relatati mad-droga.
Zyad Mohamed Drebeka li għandu 23 sena u Ahmed Rasem Franko li għandu 29 sena, huma mistennija li jitressqu l-Qorti fuq qtil iktar tard illum. Franko, li għandu każijiet pendenti fuq allegat stupru fuq Żvediża, s-sena li għaddiet, mistenni jitressaq ukoll fuq ksur tal-kundizzjonijiet tal-Qorti.