Taljan ta' 19-il sena arrestat wara li pprova jidħol Malta bid-droga

Iż-żagħżugħ kien dieħel Malta bil-katamaran

Ilbieraħ filgħaxija, ftit qabel nofsillejl, uffiċjali tad-dwana li kienu qegħdin jagħmlu t-tfittxijiet fuq il-passiġġiera li kienu għadhom kemm waslu bil-katamaran minn Sqallija, waqqfu lil żagħżugħ Taljan ta' 19-il sena għal iktar tfittxijiet.

Wara li ġiet imfittxija l-bagalja tiegħu, instab li ż-żagħżugħ kellu kontenitur tal-metall li kellu fih dak li kien maħsub li hija cannabis. Fit-tieni bagalja tal-ġuvni, instab kontenitur tal-vitamini b'51 pillola. Wara li dawn il-pilloli ġew ittestjati għan-narkotiċi, irriżulta li dawn kienu pożittivi għall-morfina.

L-iskwadra ta' kontra d-droga tal-Pulizija, mill-ewwel ġiet infurmata bil-każ u poġġiet lill-passiġġier taħt arrest u żammet l-oġġetti misjuba għal iktar investigazzjonijiet.

More in Kronaka