It-traffiku u l-korruzzjoni: L-aktar żewġ kwistjonijiet fuq moħħ in-nies
52% tal-qarrejja tal-illum.com.mt l-aktar li qed jinkwetahom huwa t-traffiku, 33% l-korruzzjoni
minn Albert Gauci Cunningham
Skont stħarriġ onlajn li sar fuq l-illum.com.mt bejn is-16 u t-23 ta’ Mejju li għadda l-aktar żewġ kwistjonijiet li bħalissa qed jinkwetaw lill-qarrejja tagħna huma t-traffiku u l-korruzzjoni. Fil-fatt, minn kważi 1,200 persuna li pparteċipaw fl-istħarriġ li jtella’ s-sit kull ġimgħa, 51.7% qalu illi l-akbar problema li għandu l-pajjiż bħalissa huwa t-traffiku.
Min-naħa l-oħra, 32.5% tal-qarrejja huma tal-opinjoni illi l-akbar problema li qed tiffaċċja Malta bħalissa hija dik relatata mal-korruzzjoni.
Għalkemm dan l-istħarriġ mhux wieħed xjentifiku, ir-riżultati jikkorrispondu ħafna ma’ dawk li qed jiġu ppublikati llum fuq il-gazzetta oħt Maltatoday. Dan l-istħarriġ xejntifiku juri kif it-traffiku reġa’ kien l-aktar kwistjoni li qed tinkwieta lin-nies, b’20% isemmuh, filwaqt li l-korruzzjoni kienet it-tieni l-aktar kwistjoni inkwetanti b’18% isemmuha bħala waħda mill-aktar affarijiet inkwetanti li qed tiffaċċja Malta bħalissa.
Dawn ir-riżultati huma indikattivi ta’ żewġ kwistjonijiet li ilhom fuq l-aġenda tal-pajjiż u fuq moħħ ħafna nies għal dawn l-aħħar xhur. Waħda, minħabba li eluf ta’ sewwieqa jesperjenzawha kuljum u l-oħra minħabba l-kwistjoni tal-Panama Papers u l-iżvelar ta’ kont u kumpanija, sa dakinhar mhux dikjarati, li l-Ministru Konrad Mizzi kellu fil-Panama.
Bħala reazzjoni għar-rabja popolari fil-każ tat-traffiku, Transport Malta ħadet ċerti miżuri, fosthom it-tnedija ta’ tidal lane fil-Marsa, li wasslet biex matul dawn l-aħħar xhur ikun hemm tnaqqis konsiderevoli fit-traffiku fiż-żona tal-junction tal-Marsa. Apparti minn hekk, f’dawn l-aħħar ġimgħat, ingħata bidu għall-proġett tal-Junction tal-Kappara, wara li kien konkluż ix-xogħol fuq Triq il-Kosta. Ftit ġimgħat ilu, l-Partit Nazzjonalista ressaq dokument illi fih qed jipproponi numru ta’ miżuri biex jittaffa t-traffiku, liema dokument kien kritikat mill-Partit Laburista għax skontu huwa nieqes mill-ideat ġodda u għax fih numru ta’ proposti li l-Gvern qed jaħdem fuqhom diġà (ara intervista ma’ Marthese Portelli f’paġni 10 u 11).
Iktar minn tlieta minn kull 10 persuni li pparteċipaw fl-istħarriġ tal-illum.com.mt jħossu li l-korruzzjoni hija l-akbar inkwiet tal-pajjiż bħalissa. Dan jista’ jkun li qed jirrifletti s-sentiment ta’ settur imdaqqas tal-poplazzjoni hekk kif ix-xena politika lokali, u anke internazzjonali, kienet iddominata minn dak żvelat mill-Panama Papers. Il-furur politiku li qam fir-rigward ta’ dan il-każ wassal lill-Prim Ministru biex jagħmel bidliet fil-kabinett, b’Konrad Mizzi jitneħħewlu l-portafolli tas-Saħħa u tal-Enerġija, imma jibqa’ Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru mingħajr portafoll.
Kważi ħadd ma jħoss li x-xogħol huwa problema
Dawk li jħossu li l-pajjiż bħalissa qed jiffaċċja problema ta’ xogħol huma ftit, fil-fatt kienu biss 12-il persuna, jew 1% tal-parteċipanti fl-istħarriġ li jħossu illi n-nuqqas ta’ xogħol huwa problema bħalissa.
Dan l-istħarriġ jirrifletti sentiment pożittiv fil-qasam tax-xogħol wara serje ta’ statistika maħruġa mill-Eurostat li turi kif ir-rata ta’ qgħad f’pajjiżna tinsab fl-aktar livelli baxxi mis-snin 90. L-aħħar statistika ppublikata din il-ġimgħa, fil-fatt, turi kif b’4.3%, Malta huwa l-anqas pajjiż li għandu qgħad fil-Mediterran, u t-tielet pajjiż l-inqas pajjiż b’rata ta’ qgħad mill-Unjoni Ewropea kollha.
Min-naħa l-oħra 9.5% tal-qarrejja jinsabu inkwetati bis-sitwazzjoni fl-ambjent, filwaqt li 5% biss iħossu li l-akbar problema tal-pajjiż bħalissa hija l-għoli tal-ħajja.